VIDEOS LI GĦAMILT BIR-RECORDINGS TAL-LITURĠIJA - TopicsExpress



          

VIDEOS LI GĦAMILT BIR-RECORDINGS TAL-LITURĠIJA TAS-SIEGĦAT TEST KOMPLUT GĦAT-TLIETA 13 TA JANNAR 2015. IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA, UFFIĊĊJU TAL-QARI, IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM, IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM, L-GĦASAR u T-TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM IT-TLIETA TAL-1 ĠIMGĦA MATUL IS-SENA Salmodija ta’ l-1 ġimgħa IS-SEJĦA GĦAT-TIFĦIR ‘L ALLA V/. Mulej, iftaħli xufftejja. R/. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek. Salm 94 (95) Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-kbir: ejjew nadurawh. Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej, ħa ngħajjtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna! Nersqu quddiemu bgħana ta radd il-ħajr, ngħannulu bgħajat ta ferħ. Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-kbir: ejjew nadurawh. Għax Alla kbir hu l-Mulej, sultan kbir fuq l-allat kollha. Fidejh huma qigħan l-art, tiegħu huma qċaċet l-għoljiet. Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu; tiegħu l-art, għax bidejh saret. Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-kbir: ejjew nadurawh. Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu, għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna! Għaliex hu Alla tagħna, u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-kbir: ejjew nadurawh. Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu! La twebbsux qalbkom bħal fMeriba, bħal dakinhar fMassa, fid-deżert, meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom, għalkemm raw dak li jien għamilt. Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-kbir: ejjew nadurawh. Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel; u jien għedt: Qalbu mħassra dan il-poplu, u triqati ma jagħrfux. Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi: Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi! Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-kbir: ejjew nadurawh. Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu. Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, U jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Ant. Il-Mulej hu s-Sultan il-kbir: ejjew nadurawh. UFFIĊĊJU TAL-QARI V/. O Alla, ejja eħlisni. R/. Mulej, fittex għinni. Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu. Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Hallelujah. INNU Inti ħriġt minn dawl Missierek, dawl id-dawl u l-jum int, Kristu; ksirna l-lejl biex nerfgħ b’ħerqa talbna lejk, Mulej; kun fostna. Keċċi d-dlamijiet minn ruħna, biegħed minna l-għadu tagħna, għinna ntajjru n-nagħas minn fuqna biex ma jwaqqagħniex fil-ħedla. Nitolbuk, ħanin, aħfrilna, għax fik nemmnu, tama tagħna; agħti frott fit-talb imħeġġeġ li nagħmlulek bi kliem David. Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu, Sultan twajjeb, jintradd lilek, lill-Missier, u lill-Ispirtu Difensur u Faraġ tagħna. Ammen. SALMODIJA Ant. 1: Il-Mulej jagħmel ħaqq ġust lill-foqra. Salm 9 B (10) I Għaliex, Mulej, int hekk imbiegħed? * Għaliex tinħeba waqt il-bżonn? Fi kburitu l-ħażin lill-fqir jaħqar, * jaqbdu fin-nases li nasablu. Il-ħażin jiftaħar bix-xewqat ta qalbu, * fir-regħba tiegħu jisħet u jżeblaħ lill-Mulej. Fi kburitu jkasbar lill-Mulej, u fxejn ma jfittxu; * u Alla ma jidħolx fi ħsibijietu. Jirnexxi dejjem fi triqtu, † xejn ma jilħquh il-ġudizzji tiegħek, bl-għedewwa tiegħu jiddieħak. Jgħid fqalbu: Ma niċċaqlaqx! * Minn nisel għal nisel ebda ħsara ma tilħaqni! Saħta, qerq u dnewwa fuq fommu; * għawġ u ħsara fuq ilsienu. Wara l-ħitan tas-sejjieħ jissajja, † fil-moħbi joqtol nies bla ħtija; * għajnejh ifittxu lill-imsejken. Jgħasses fil-moħbi bħal iljun fil-bejta; † jgħasses biex lill-fqajjar jaħtaf; * jaqbdu u jkaxkru fix-xibka. Jitbaxxa, ma l-art jinxteħet; * l-imsejkna jaqgħu taħt il-qilla tiegħu. Jgħid bejnu u bejn ruħu: Alla nesa; * ħeba wiċċu, ma jħarisx iżjed. Glorja. Ant. 1: Il-Mulej jagħmel ħaqq ġust lill-foqra. Ant. 2: Ara, Mulej, l-għawġ u l-ħsara ta’ l-imsejken. II Qum, Mulej! Erfa idek, o Alla! * La tinsihomx lill-imsejknin. Għax għandu l-ħażin ikasbrek, o Alla, * u jaħseb li int ma tfittxux? Int tara, tabilħaqq, l-għawġ u l-ħsara, * u taħseb biex fidejk teħodhom. Fidejk jintelaq l-imsejken; * ta l-iltim int sirt l-għajnuna. Kisser int driegħ il-ħażin u l-midneb, * ilħaqlu ħżunitu sakemm ma ssiblux iżjed. Sultan hu l-Mulej għal dejjem ta dejjem; * inqerdu l-ġnus minn artu. It-talba ta l-imsejknin smajtha, Mulej; * int taqtgħalhom ix-xewqa ta qalbhom, biex tagħti raġun lill-iltim u l-maħqur; * u bniedem ta l-art ma jbeżżax aktar. Glorja. Ant. 2: Ara, Mulej, l-għawġ u l-ħsara ta’ l-imsejken. Ant. 3: Kliem il-Mulej kliem safi, fidda mgħoddija bin-nar. Salm 11 (12) Għajnuna, Mulej, għax mhawnx aktar twajbin; * għabu s-sinċiera minn fost il-bnedmin. Wieħed lil ieħor bil-gideb ikellem; * bxufftejn qarrieqa, bżewġt iqlub jitkellmu. Jaqta l-Mulej ix-xufftejn qarrieqa, * kull ilsien li jitkellem bil-kburija, dawk li jgħidu: Saħħitna fi lsienna, * kliem xufftejna magħna; min hu sidna? Minħabba t-tgħakkis tal-fqajrin * u l-krib ta l-imsejknin, jien issa se nqum, jgħid il-Mulej; * nqum biex neħilsu, kif hu jixtieq. Kliem il-Mulej kliem safi, * fidda mgħoddija min-nar, seba darbiet imsoffija mit-trab. Int, Mulej, tieħu ħsiebna, * tħarisna minn dan in-nisel għal dejjem. Għax il-ħżiena ma kullimkien juru ruħhom, * aktar ma titgħolla d-dnewwa fost il-bnedmin. Glorja. Ant. 3: Kliem il-Mulej kliem safi, fidda mgħoddija bin-nar. V/. Il-Mulej imexxi l-imsejkna fis-sewwa. R/. Jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. LEZZJONI 1 Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak Sir 11:12-30 Fiduċja f’Alla biss Hemm min hu nieqes u għandu bżonn l-għajnuna, bla saħħa u kollu kemm hu faqar ; iżda għajnejn il-Mulej fuqu għall-ġid tiegħu ; hu jerfgħu minn qiegħ iċ-ċokon tiegħu. Jerfagħlu ‘l fuq rasu, u ħafna jibqgħu mistagħġba bih. Ir-riżq tajjeb u ħażin, il-ħajja u l-mewt, il-faqar u l-għana mingħand il-Mulej. Id-doni tal-Mulej jibqgħu għal dawk li jqimuh, u l-barka tiegħu ġġib riżq bla tmiem. Hemm min jistagħna bi tqanċiċ u ċaħdiet, u dan hu s-sehem tal-ħlas li jieħu ; meta jgħid : “Ksibt il-mistrieħ! Issa nista’ ngħix minn ġidi”, ma jaħsibx kemm baqagħlu ħajja sa ma jmut u jħalli ġidu lil ħaddieħor. Aqdi dmirek, u kun ħsiebek fih, u ibqa’ sa ma tixjieħ fuq xogħlok. Tiskantax bis-suċċess tal-ħżiena, iżda ittama fil-Mulej u ibqa’ aqdi dmirek. Hi ħaġa ħafifa għall-Mulej jagħni ‘l-fqir f’daqqa waħda. Il-barka tal-Mulej hi l-ħlas tat-tajbin, u bil-ħeffa tidher il-barka tiegħu. Tgħidx: “X’jonqosni iżjed? X’ġid aktar nista’ nistenna?” Tgħidx: “Jien xejn ma jonqosni; xi ħsara tista’ tiġrili?” Fir-riżq it-tajjeb jintesa l-ħażin, u fir-riżq il-ħażin jintesa t-tajjeb. Hi ħaġa ħafifa għall-Mulej jagħti lill-bniedem dak li ħaqqu f’mewtu. Siegħa ħażina tnissi kull hena, u tmiem il-bniedem jikxef għemilu. Qabel wieħed imut, issejjaħlux hieni; għax wara mewtu jingħaraf il-bniedem. RESPONSORJU Sir 11:19. 20; Lq 12:17. 18 R/. Meta l-għani jgħid: Ksibt il-mistrieħ! Issa nista’ ngħix minn ġidi. * Ma jaħsibx li sa jmut u jħalli ġidu lil ħaddieħor. V/. L-għani jaħseb bejnu u bejn ruħu: Inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar u naħżen fihom il-ġid kollu li għandi. * Ma jaħsibx li sa jmut u jħalli ġidu lil ħaddieħor. LEZZJONI II Qari mir-Regola t-twila ta’ l-Isqof San Bażilju l-Kbir Fina tinsab il-qawwa li nħobbu L-imħabba ta’ Alla ma tiġiniex mit-tagħlim. Ħadd ma jgħallimna nifirħu bid-dawl, kif ħadd ma jgħallimna x-xewqa tal-ħajja u l-imħabba għall-ġenituri tagħna u għal dawk li jrabbuna. Hekk ukoll, u forsi aktar minn hekk, aħna nħobbu lil Alla mhux għax għallimna xi ħadd iżda għaliex, fil-ħolqien tal-bniedem, fina nżergħet qawwa li nħobbu u li ġġegħelna nħobbu. Din il-qawwa, mbagħad, min jitgħallem il-kmandamenti tal-Mulej iħarriġha sewwa fih, isaħħaħha bit-tagħlim, u bl-għajnuna ta’ Alla jwassalha għall-perfezzjoni. Għalhekk aħna u nifirħu bil-ħeġġa tagħkom, tant meħtieġa biex nilħqu l-għan tagħna, bl-għajnuna ta’ Alla u bit-talb tagħkom, inħabirku biex inkebbsu dik ix-xrara ta’ mħabba ta’ Alla li tinsab moħbija fikom, bil-qawwa mogħtija lilna mill-Ispirtu s-Santu. U nibdew biex ngħidulkom dan: Alla tana qawwa u saħħa biex inħarsu l-kmandamenti kollha li ordnalna nagħmlu, għalhekk m’għandniex niddejjqu qisu Alla qiegħed jitlob minna xi ħaġa li ma jmissux jitlobna, u lanqas ma għandna nitkabbru bħallikieku qegħdin nagħtu lil Alla aktar milli jitlobna. Għalhekk meta aħna nużaw tajjeb u sewwa din il-qawwa li jagħtina, aħna nkunu qegħdin ngħixu ħajja ta’ virtù, ħajja tajba; iżda jekk nużaw ħażin din il-qawwa naqgħu f’ħajja ta’ vizzju. Għaliex x’inhu l-vizzju? Hu l-użu ħażin, kontra l-kmandamenti ta’ Alla, ta’ dawk il-fakultajiet li Alla jagħtina biex nagħmlu t-tajjeb; waqt li l-virtù, li tant togħġob lil Alla, m’hijiex ħlief l-użu tajjeb, skond il-kmandamenti ta’ Alla, ta’ din il-qawwa, b’kuxjenza safja. Meta dan hu hekk, nistgħu ngħidu l-istess dwar l-imħabba. Meta aħna rċevejna l-kmandament li nħobbu ‘l Alla, minnufih mill-ewwel waqt ta’ ħajjitna tnisslet fina l-qawwa li nħobbu; dan aħna ma nippruvawhx b’xi argument, imma kull wieħed minna jagħrfu fih innifsu u minnu nnifsu. Hi ħaġa naturali nixtiequ kull ma hu tajjeb u sabiħ, għalkemm ma naqblux ilkoll fuq dak li hu tajjeb u sabiħ; hkk ukoll aħna, mingħajr ħadd ma jgħallimna, inħobbu ‘l min hu qrib tagħna u marbut magħna, u minn rajna nuru tjieba ma’ min hu tajjeb magħna. U issa nistaqsi: x’hemm aktar ta’ l-għaġeb mill-ġmiel ta’ Alla? X’hemm aktar ta’ gost u ta’ pjaċir mill-ħsieb tal-kobor ta’ Alla? Liema xewqa tal-qalb hi hekk kbira u qawwija minn dik li Alla jqanqal f’qalb safja minn kull vizzju, li kollha mħabba tgħid: Jiena midruba bl-imħabba? Id-dija tas-sebħ u l-ġmiel ta’ Alla ma titfissirx bil-kliem u hi ta’ hena bla qjies! RESPONSORJU Salm 17(18):2-3 R/. Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi! * Il-Mulej blata tiegħi, fortizza u ħellies tiegħi. V/. Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi. * Il-Mulej blata tiegħi, fortizza u ħellies tiegħi. TALBA Fil-ħniena tiegħek, Mulej, agħti widen għat-talb umli tagħna: agħmel li naraw sewwa x’għandna nagħmlu, u li jseħħilna nkompluh sa l-aħħar. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Inbierku l-Mulej. R/. Inroddu ħajr lil Alla. IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM V/. O Alla, ejja eħlisni. R/. Mulej, fittex għinni. Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah. INNU Iż-żerniq fi ġmielu jħabbar tlugħ ix-xemx, u l-għodwa jsejjaħ; diġà beda d-dawl imewweġ u bl-ilwien ilibbes kollox. Kristu, xemx li dejjem twassal dawlek ħaj fl-ispirtu tagħna, lilek ngħannu kull filgħodu, għax għalik imxennqa ruħna. Int l-għerf safi ta’ Missierek, il-Verb tiegħu li bik tqassam b’ordni w ġmiel il-ħolqien kollu, b’kull ma fih, tassew ta’ l-għaġeb. Għinna tul ħajjitna nimxu bħal ulied id-dawl, bla nieqfu, ħalli nxandru w nuru l-grazzja tal-Missier bl-għemil, bl-imġiba. Joħroġ safi minn xufftejna kull ma t-tjieba tnissel f’qalbna, biex madwarna nxerrdu l-hena, li hu l-frott sabiħ tal-veru. Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu, Sultan twajjeb, jintradd lilek, lill-Missier, u lill-Ispirtu Difensur u Faraġ tagħna. Ammen. SALMODIJA Ant. 1: Min għandu jdejh indaf u qalbu safja jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej. Salm 23 (24) Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha, * id-dinja u kull ma jgħix fiha. Għax hu fuq l-ibħra waqqafha, * u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. Min jista jitla fuq l-għolja tal-Mulej, * min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu? Min għandu idejh indaf u qalbu safja, † min ma jagħtix ruħu għall-frugħa, * u anqas ma jaħlef bil-qerq. Dan ikollu barka mingħand il-Mulej, * u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu. Dan hu n-nisel ta dawk li jfittxuh; * li jfittxu l wiċċek, Alla ta Ġakobb. Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta dejjem, * ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja! Min hu dan is-Sultan tal-glorja? * Hu l-Mulej setgħan u qawwi, il-Mulej qawwi fit-taqbida. Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta dejjem, * ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja! Min hu dan is-Sultan tal-glorja? * Hu l-Mulej ta l-eżerċti: dan hu s-Sultan tal-glorja! Glorja. Ant. 1: Min għandu jdejh indaf u qalbu safja jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej. Ant. 2: F’dak kollu li intom tagħmlu, għollu bit-tifħir is-Sultan ta’ dejjem. Kantiku Tob 13:2-8 Mulej, int kbir minn dejjem, * u għal dejjem ta’ dejjem saltnatek. Int issawwat u int issalva, † tniżżel fl-imwiet uterġa ttella’, * u ħadd minn taħt idejk ma jista’ jaħrab. Sebbħu l-Mulej, ulied Iżrael; * faħħruh quddiem il-ġnus, Hu xerridkom fost il-ġnus, li ma jagħrfuhx, * u intom għidulhom bl-għeġubijiet tiegħu; għarrfuhom li hu Alla li jista’ kollox, * u ma hemmx all ieħor ħliefu. Hu sawwatna minħabba ħtijietna, * imma jsalvana għall-ħniena tiegħu. Araw kull ma għamel magħna, * u bil-biża’ u t-tregħid roddulu ħajr. F’dak kollu li intom tagħmlu, * għollu bit-tifħir is-Sultan ta’ dejjem. Jiena nfaħħru f’art il-jasar tiegħi, * għax wera l-kobor tiegħu quddiem ġens midneb. Duru, midinbin, lejn Alla, * u agħmlu s-sewwa quddiemu; emmnu fih li jista’ jħenn għalikom; * jiena nnifsi fih insib l-hena tiegħi. Bierku l-Mulej, intom il-magħżulin kollha tiegħu; * agħmlulu festi ta ferħ, u agħtuh glorja. Glorja. Ant. 2: F’dak kollu li intom tagħmlu, għollu bit-tifħir is-Sultan ta’ dejjem. Ant. 3: In-nies sewwa jixirqilhom ifaħħru lill-Mulej. Salm 32 (33) Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej; * jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa. Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra; * għannulu fuq l-arpa bgħaxar kordi. Għannulu għanja ġdida; * għajjtu bil-ferħ, doqqulu bis-sengħa. Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej, * kollox bil-fedeltà huwa għamel. Hu jħobb id-dritt u s-sewwa; * bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet, * u bnifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom. Bħal fġarra l-ilmijiet ġabar, * u l-ibħra kbar fi mħażen. Ħa tibża mill-Mulej l-art kollha; * jitbeżża minnu kull min jgħammar fid-dinja. Għax hu tkellem, u hi saret; * hu ordna, u hi twaqqfet. Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus, * ifixkel il-ħsibijiet tal-popli. Imma l-fehma tal-Mulej tibqa għal dejjem, * minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta moħħu. Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu, * il-poplu li hu għażel bwirtu. Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej, * u jara l-bnedmin kollha; mill-post fejn jgħammar jistħarreġ * fuq dawk kollha li jgħixu fuq l-art. Hu jsawwar il-qalb ta kull wieħed, * u jagħraf għemilhom kollu. Ma jagħmel xejn is-sultan bl-eżerċtu tiegħu kollu, * anqas ma jeħlisha l-gwerrier bil-ħila kollha tiegħu. Xejn ma jiswa ż-żiemel għar-rebħa, * bsaħħtu kollha l ħadd ma jeħles. Araw, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu, * fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu, biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom, * u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. Ruħna tixxennaq għall-Mulej; * hu l-għajnuna u t-tarka tagħna. Fih jinsab l-hena ta qalbna, * fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna. Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, * kif fik hi t-tama tagħna. Glorja. Ant. 3: In-nies sewwa jixirqilhom ifaħħru lill-Mulej. LEZZJONI QASIRA Rum 13:11b. 12-13a Waslet is-siegħa li intom tqumu minn-ngħas. Il-lejl għoddu għadda u qorob il-jum. Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl. Ngħixu kif jixraq, bħal binhar. RESPONSORJU QASIR R/. Alla tiegħi hu l-għajnuna tiegħi: * Jien fih nittama. Alla. V/. Hu l-kenn u s-salvazzjoni tiegħi. * Jien fih nittama. Glorja. Alla. Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija: Il-Mulej waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni, bħalma kien wiegħed b’fomm il-profeti tiegħu. Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, * għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu, u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni * f’dar David, qaddej tiegħu, bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi * b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu, biex isalvana mill-għedewwa tagħna * u minn idejn dawk kollha li jobogħduna. B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, * u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu, fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, * li jagħtina li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, * naqduh bla biża’ tul ħajjitna kollha, * bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu. U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; * għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu, biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, * bil-maħfra ta’ dnubiethom, ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, * li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa, ħa jdawwal lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, * ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem. Glorja lill-Missier, u lill-Iben, * u lill-Ispirtu s-Santu, Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, * u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija: Il-Mulej waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni, bħalma kien wiegħed b’fomm il-profeti tiegħu. PREĊI Aħna lkoll għandna sehem fis-sejħa li ġietna mis-sema. Inbierku lil Ġesù, il-Qassis il-kbir tar-reliġjon li nistqarru, u ngħidulu: Mulej, Alla tagħna, int is-Salvatur tagħna. O Alla li tista’ kollox, int bil-Magħmudija għamiltna saltna u qassisin: - ħeġġiġna biex noffrulek dejjem sagrifiċċju ta’ tifħir. Agħtina l-Ispirtu s-Santu biex inħarsu l-kmandamenti tiegħek: - u hekk int tibqa’ fina u aħna fik. Imliena bl-għerf tiegħek ta’ dejjem: - agħmel li hu llum jaħdem fina u ngħixu bih. Għinna biex illum ma nnikktu lil ħadd u f’xejn: - tkun il-preżenza tagħna raġġ ta’ ferħ li jixxerred fuq dawk kollha ta’ madwarna. Missierna Talba Fit-tjieba tiegħek, Mulej, agħti widen għat-talb umli li qegħdin nagħmlulek f’din l-għodwa, u bid-dija tal-ħniena tiegħek neħħi l-ħażen moħbi ta’ qalbna, biex ebda xewqa mudlama ma tibqa’ fina, li int naddaftna bid-dawl tal-grazzja tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Għeluq Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Amen. IT-TALB TA’ NOFS IL-JUM Fid-Disgħa ta’ filgħodu INNU Spirtu s-Santu, li int Alla wieħed mal-Missier u l-Iben, ejja xxerred ġewwa fina, ħalli bik ilkoll timliena. Bi kliem fommna, b’qalbna w ruħna, nerfgħu lejk it-tifħir tagħna; int kebbisna b’nar imħabbtek, u nxerduh fl-oħrajn madwarna. Kun id-dawl li jtina l-għarfa tal-Missier u l-Iben tiegħu: żomm qawwija l-fidi tagħna fik, l-Ispirtu li ġej minnhom. Ammen. F’Nofsinhar INNU Mexxej qawwi, Alla veru, Inti kollox tqassam sewwa: jisbaħ jum, tagħnih bid-dija; f’nofsu żżejnu b’dawl iħaġġeġ. Iżda itfi l-għadab fina, taffi s-sħana ta’ kull deni, agħti s-saħħa ‘l min hu dgħajjef, ġib is-sliem tassew fi qlubna. Isma’ talbna, Missier twajjeb, w int, Waħdieni tiegħu u daqsu, li ta’ dejjem hi saltnatkom ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen. Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar INNU Alla, int, li fik innifsek m’hemmx tibdil lill-ħlejjaq trieġi: lil kull siegħa tal-ġurnata tqis id-dawl li jkun imissha. Ibagħtilna lejla tajba, fejn il-ħajja qatt ma tonqos, imma tersaq lejn il-glorja, li tkun ħlas ta’ mewt qaddisa. Isma’ talbna, Missier twajjeb, w int, Waħdieni tiegħu u daqsu, li ta’ dejjem hi saltnatkom ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen. Ant.1. Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej. Salm 118 (119): 1-8 I Ħenjin dawk li triqthom bla ħtija, * li jimxu fil-liġi tal-Mulej. Ħenjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu, * u li jfittxuh b’qalbhom kollha. Huma ma jagħmlux ħażen, * imma jimxu fit-triqat tal-Mulej. Int tajt il-preċetti tiegħek, * biex inħarsuhom bir-reqqa. Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi * fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek! Mbagħad ma jkollix għax nistħi, la naħseb fuq il-kmandamenti tiegħek kollha. Mbagħad infaħħrek bqalb safja, * Meta nitgħallem id-digrieti ġusti tiegħek. Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek; * la tħallinix għalkollox! Glorja. Ant.1. Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej. Ant.2. Tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek. Salm 12 (13) Mulej, għal dejjem se tinsieni? * Kemm se ddum taħbi wiċċek minni? Kemm se ndum bqalbi ttaqtaq, † bl-imrar kuljum fqalbi? * Kemm se jdum jintrefa l-għadu fuqi? Ħares u weġibni, Mulej, Alla tiegħi, * agħti d-dawl lil għajnejja, li ma naqax fir-raqda tal-mewt; li ma jgħidx l-għadu tiegħi: Għelibtu!, * li ma jifirħux l-għedewwa għax jarawni nogħtor. Imma jien fit-tjieba tiegħek nitma, † tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek. * Ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli. Glorja. Ant.2. Tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek. Ant.3. Alla ħalla ‘l kulħadd fid-dnub, biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd. Salm 13 (14) Jgħid l-iblah f’qalbu: “M’hemmx Alla!” * Tħassru l-bnedmin, Għamlu ħwejjeġ ta’ min jistmellhom; * m’hemm ħadd li jagħmel is-sewwa. Il-Mulej mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin, * biex jara jekk hemmx min hu għaqli, min ifittex lil Alla. Ilkoll intilfu, lkoll flimkien tħażżnu; * ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed. Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, * dawk li qatt ma jsejjħu l-Mulej, li jaħtfu l-poplu tiegħi, * kif wieħed jaħtaf il-ħobż? Biża kbir waqa fuqhom, * għax Alla hu ma nisel il-ġust. Intom tidħku bil-ħsieb ta l-imsejken; * imma l-Mulej hu l-kenn tiegħu. Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta Iżrael? * Meta jerġa jqajjem il-Mulej il-poplu tiegħu, jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael. Glorja. Ant.3. Alla ħalla ‘l kulħadd fid-dnub, biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd. Fid-Disgħa ta’ filgħodu LEZZJONI QASIRA Ġer 17:7-8 Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej. Ikun bħal sigra ħdejn l-ilma mħawwla, li għeruqha xxenxel lejn il-wied ; ma tibżax meta tiġi s-sħana, il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar ; fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx, u ma tehdiex milli tagħmel il-frott. V/. Ebda ġid ma jiċħad il-Mulej lil min jimxi bis-sewwa. R/. Mulej ta’ l-eżerċti, hieni l-bniedem li jittama fik. Talba O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, f’din is-siegħa tal-ġurnata int sawwabt l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli; ibgħat fuqna wkoll l-istess Spirtu ta’ l-imħabba, biex b’fedeltà sħiħa nixhdu għalik quddiem il-bnedmin kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen. F’Nofsinhar LEZZJONI QASIRA Prov 3:13-15 Hieni l-bniedem li jsib l-għerf, il-bniedem li jikseb id-dehen ; għax aħjar tikseb lilu milli tikseb il-fidda, u l-qligħ tiegħu aqwa mid-dehen. Hu egħżeż mill-ġawhar ; u, minn kull ma tista’ tixtieq, xejn ma jitqies miegħu. V/. Mulej, int tħobb il-qalb sinċiera. R/. Għallimni l-għerf fil-fond ta’ qalbi. Talba O Alla, int għarraft lil Pietru l-pjan li għamilt biex issalva l-ġnus; fit-tjieba tiegħek, agħtina li nkunu nogħġbuk f’dak kollu li nagħmlu, u għinna bil-grazzja tiegħek biex ilkoll naqduk skond il-ħsieb ta’ l-imħabba u s-salvazzjoni tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. Fit-Tlieta ta’ wara nofsinhar LEZZJONI QASIRA Ġob 5:17-18 Hieni l-bniedem li Alla jwiddbu. Mela żżeblaħx iċ-ċanfir ta’ dak li jista’ kollox; għax hu jagħmillek ġerħa, iżda mbagħad jorbothielek; iweġġgħek, iżda mbagħad b’idejh stess ifejjqek. V/. Imxi mal-qaddej tiegħek skond it-tjieba tiegħek. R/. Għallimni l-kmandamenti tiegħek. Talba O Alla, int bgħatt l-anġlu tiegħek lil Kornelju ċ-ċenturjun biex jurih it-triq tas-salvazjoni; agħtina l-grazzja li nħabirku minn qalbna għas-salvazzjoni ta’ kulħadd, biex flimkien magħhom nimxu fil-Knisja tiegħek sa ma naslu għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen. Inbierku l-Mulej R/. Inroddu ħajr lil Alla. L-GĦASAR INNU Sid bla qjies, int ġbart f’post wieħed l-ilmijiet ta’ taħt is-sema, u qegħedtilhom it-truf tagħhom biex tagħżilhom mill-art niexfa. F’dan it-tielet jum, il-ħxejjex nibtu taħt idejk setgħana, biż-żerriegħa, skond il-għamla ta’ kull siġra bil-frott tagħha. Hekk, Mulej, bil-grazzja tiegħek, saqqi llum lil ruħna niexfa bid-dmugħ safi ta’ l-indiema, ħalli tagħti frott l-imħabba. Tina l-qawwa, sabiex tisma’ minnek biss, u l-ħażen taħrab; tfittex l-hena tagħha f’ġidek, li mill-mewt iżommha ħielsa. Isma’ talbna, Missier twajjeb, w int, Waħdieni tiegħu u daqsu, li ta’ dejjem hi saltnatkom ma’ l-Ispirtu Faraġ tagħna. Ammen. SALMODIJA Ant. 1: Il-Mulej rebbaħ lis-Sultan, il-Midluk tiegħu. Salm 19 (20) Jisimgħek il-Mulej fi żmien in-niket; * iħarsek l-isem ta Alla ta Ġakobb! Mit-tempju mqaddes tiegħu jibgħatlek l-għajnuna, * u minn Sijon jagħtik is-saħħa. Jiftakar fl-offerti tiegħek kollha, * u jilqa bil-qalb is-sagrifiċċju tiegħek. Jagħtik dak li tixtieq qalbek, * u jtemm ħsibijiet tiegħek kollha. Naqbżu bil-ferħ għar-rebħa tiegħek, † ngħollu l-bnadar fisem Alla tagħna. * Jagħtik il-Mulej kull ma titolbu! Jien issa naf li l-Mulej * irebbaħ lis-sultan, il-midluk tiegħu, u jwieġbu mis-sema mqaddes tiegħu * bir-rebħa qawwija tal-leminija tiegħu. Xi wħud fil-karrijiet, oħrajn fiż-żwiemel, * imma aħna fisem il-Mulej Alla l-qawwa tagħna. Huma jixxenglu u jaqgħu; * imma aħna bsaħħitna, weqfin fuq riġlejna. Mulej, salva s-sultan; * weġibna meta nsejjħulek. Glorja lill-Missier, u lill-Iben, * u lill-Ispirtu s-Santu. Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, * u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen. Ant. 1: Il-Mulej rebbaħ lis-Sultan, il-Midluk tiegħu. Ant. 2: Ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek, Mulej. Salm 20 (21):2-8, 14 Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan; * kemm jithenna bir-rebħa tiegħek! Ix-xewqa ta qalbu int qtajthielu, * ma ċħadtlux it-talba ta fommu. Għax inti lqajtu bil-barka u r-riżq, * kuruna ta deheb fin qegħedtlu fuq rasu. Il-ħajja talbek, u int tajthielu, * għomor twil minn żmien għal żmien. Kbir hu sebħu bir-rebħa li tajtu; * ġieħ u ġmiel int tqiegħed fuqu. Lilu tagħti barkiet għal dejjem, * tferrħu u thennih bis-sebħ ta wiċċek. Għalhekk is-sultan fil-Mulej jittama, * għall-ħniena ta l-Għoli qatt ma jitħarrek. Tkabbar, Mulej, bil-qawwa tiegħek! * Ħa ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek. Glorja lill-Missier...... Ant. 2: Ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek, Mulej. Ant. 3: Mulej, għamiltna għal Alla tagħna saltna u qassisin. Kantiku (Apok 4:11; 5:9-10, 12) Mulej Alla tagħna, jistħoqqlok tirċievi * l-glorja, l-ġieħ u l-qawwa, għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha; * ir-rieda tiegħek kienu u nħalqu. Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb * u tikser is-siġilli tiegħu, għax int qatluk, u b’demmek ksibt għal Alla * bnedmin minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens, u għamilthom għal Alla tagħna Saltna u Qassisin * li għad isaltnu fuq l-art. Il-Ħaruf li kien maqtul jistħoqqlu jirċievi † l-qawwa, l-għana, l-għerf u s-saħħa, * l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir. Glorja lill-Missier....... Ant. 3: Mulej, għamiltna għal Alla tagħna saltna u qassisin. LEZZJONI QASIRA 1 Ġw 3:1a. 2 Araw b’liema mħabba ħabbna l-Missier: nistgħu nissejjħu wlied Alla, u tassew aħna. Għeżież, issa nafu li aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ‘l quddiem ma hux muri lilna. Madankollu nafu li, meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. RESPONSORJU QASIR R/. Mulej, għal dejjem * Tibqa’ l-kelma tiegħek. Mulej. V/. Il-fedeltà tiegħek minn nisel għal nisel. * Tibqa’ l-kelma tiegħek. Glorja. Mulej. Ant. tal-kantiku ta’ Marija: L-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-Salvatur tiegħi. Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, * u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. * Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja. Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; * qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien * fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, * xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, * u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, * u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn. Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, * għax ftakar fil-ħniena tiegħu - bħalma wiegħed lil missirijietna - * b’riżq Abraham u nislu għal dejjem. Glorja. Ant. tal-kantiku ta’ Marija: L-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-Salvatur tiegħi. PREĊI Sidna Ġesù jgħix fostna, il-poplu miksub tiegħu. Infaħħruh, u mix-xejn tagħna nitolbuh: Ismagħna, Mulej, għat-tifħir tiegħek. Mulej, li ssaltan u taħkem fuq il-ġnus, ieqaf mal-popli u ma’ dawk li għandhom is-setgħa fuqhom: - għinhom jaħdmu id f’id skond il-liġi tiegħek għall-ġid ta’ kulħadd. Int fdejtna mill-jasar tad-dnub u għamiltna qaddejja tiegħek: - ħenn għal dawk ħutna li huma mjassra fil-ġisem jew fl-ispirtu u roddilhom id-dinjità ta’ l-ulied ħielsa. Ħeġġeġ liż-żgħażagħ tagħna ħa jfittxu dejjem li jkunu bla għajb quddiemek: - agħtihom qalb kbira biex jilqgħu s-sejħa tiegħek. Nissel fit-tfal tagħna x-xewqa li jsiru jixbħu lilek: - mexxihom bla heda ‘l quddiem fl-għerf u l-grazzja. Ilqa’ lil ħutna l-mejtin fis-saltna ta’ dejjem: - qawwi fina t-tama li għad insaltnu magħhom. Missierna Talba Mulej, Alla li tista’ kollox, aħna niżżukħajr ta’ din il-ġurnata li tajtna; bl-umiltà kollha nitolbuk biex il-qima li qegħdin nagħtuk b’idejna merfugħa ‘l fuq titla’ quddiemek u tkun togħġbok bħas-sagrifiċċju fil-għaxija. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Għeluq Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen. TALBA TA’ GĦELUQ IL-JUM IT-TLIETA V. O Alla, ejja eħlisni. R. Mulej, fittex għinni. Glorja. Kif kien mill-bidu. Hallelujah. Fi żmien ir-Randan ma jingħadx Hallelujah. Wara dan il-versett tal-bidu tkun Ħaġa tajba jekk isir l-eżami tal-kuxjenza, li fiċ- ċelebrazzjoni fil-komun jista’ jidħol fl-att penitenzjali skond il-formoli wżati fil- Quddiesa. ATT PENITENZJALI l.. Issir l-istedina għall-penitenza. Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna. Isir ftit tas-skiet. Imbagħad kulħadd flimkien jistqarr: Nistqarr ‘l Alla li jista’ kollox, u lilkom, ħuti, li jiena dnibt ħafna bil-ħsieb, bil-kliem, bl-egħmil u billi ħallejt dmirijieti: iħabbtu fuq sidirhom ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-ikbar ħtija tiegħi. Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni, lill-Anġli u l-Qaddisin kollha, u lilkom, Ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna. Tingħata l-assoluzzjoni: Iħenn galina Alla li jista’ kollox, jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. R/. Amen. Jew II. Issir l-istedina gĦall-penitenza. Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna. Isir ftit tas-skiet. ImbagĦad jingĦad: V. Ħenn għalina, Mulej R. Għax dnibna kontra tiegħek. V. Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek. R. U s-salvazzjoni tiegħek agħtina. Tingħata l-assoluzzjoni: Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. R. Ammen. Jew III. Issir l-istedina għall-penitenza. Ħuti, ejjew nagħarfu ħtijietna. Isir ftit tas-skiet. Imbagħad jingħadu dawn l-invokazzjonijiet, jew oħrajn: Int li kont mibgħut biex tfejjaq il-bnedmin ta’ qalbhom niedma: Mulej, ħniena. R. Mulej, ħniena. Int li ġejt biex issejjaħ il-midinbin: Kristu ħniena. R. Kristu ħniena. Int li qiegħed fil-lemin tal-Missier, biex tidħol għalina: Mulej ħniena. R. Mulej, ħniena. Tingħata l-assoluzzjoni: Iħenn għalina, Alla, li jista’ kollox, jaħfrilna dnubietna, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. R. Ammen. INNU Wara dan il-jum li tajtna, nitolbuk, ħallieq ta’ kollox, biex fit-tjieba kbira tiegħek tgħasses fuqna u tieqaf magħna. Fik u bik jistrieħu qlubna, jibqgħu jħossu l-kenn ta’ mħabbtek, sabiex għada minn filgħodu jisbħu jgħannu l-glorja tiegħek. Bierek jiemna b’saħħa tajba, żid il-ħeġġa ta’ ħajjitna, u bid-dija tiegħek dawwal dlam il-lejl li riesaq fuqna. Isma’ talbna, Missier twajjeb, w int, Waħdieni tiegħu u daqsu, li ta’ dejjem hi saltnatkom ma’ l-Ispirtu faraġ tagħna. Amen. SALMODIJA Barra Ż.GĦ.: Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama. Ż.GĦ.: Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah. Salm 142 (143): 1-11 Talba fid-dwejjaq Il-bniedem ma jkunx iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu (Gal 2:16) Mulej, isma t-talba tiegħi, † agħtini widen, nitolbok bil-ħniena; weġibni minħabba l-fedeltà u l-ġustizzja tiegħek. Tressaqx għall-ħaqq lill-qaddej tiegħek, * għax ebda bniedem ma hu ġust quddiemek. Għax l-għadu għamel għalija, * ma l-art tefagħni taħt riġlejh; fid-dlam xeħetni ngħammar, * bħal min imut għal dejjem. Ruħi tinfena minn ġewwa, * qalbi titniehed ġewwa fija. Niftakar fiż-żmien l-imgħoddi, † naħseb fkull ma int għamilt, * għemil idejk dejjem fi ħsiebi. Lejk immidd idejja, * ruħi bħal art bil-għatx tixtieqek. Fittex weġibni, Mulej! * Ruħi tinsab bla saħħa. La taħbix wiċċek minni, * li ma nkunx bħal min nieżel għall-qabar. Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, * għax fik jien nittama. Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, * għax lejk jien nerfa ruħi. Eħlisni mill-għedewwa, Mulej, * għax inti l-kenn tiegħi. Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek, għax int Alla tiegħi. * L-ispirtu tajjeb tiegħek imexxini fuq art watja. Fġieħ ismek, Mulej, agħtini l-ħajja, * oħroġni mill-għawġ minħabba l-ġustizzja tiegħek. Glorja. Barra Z.GĦ.: Ant. La taħbix wiċċek minni, għax fik jien nittama. Z.GĦ: Ant. Hallelujah, hallelujah, hallelujah. LEZZJONI QASIRA 1 Piet 5:8-9 Kunu meqjusa u għassu! L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex il min se jibla. Iqfulu, sħaħ fil-fidi. RESPONSORJU QASIR Barra żmien il-Għid: R. F’idejk, Mulej, * Jien nerħi ruħi. F’idejk. V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa, * Jien nerħi ruħi. Glorja. F’idejk. F’Ħadd il-Għid u l-ottava jingħad: Ant. Dan hu l-jum li gĦamel il-Mulej; Ħa nifirĦu u nithennew fihĦ Hallelujah. Fi żmien il-Għid: R. F’idejk, Mulej, jien nerħi ruħi. Hallelujah, hallelujah. F’idejk. V. Int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. F’idejk. Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah). KANTIKU EVANĠELIKU Lq. 2,29-32 Kristu dawl tal-ġnus u glorja ta’ Israel Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek * imur fis-sliem, skond kelmtek; għaliex għajnejja raw * is-salvazzjoni tiegħek, li int Ħejjejt * għall-popli kollha: dawl biex idawwal il-ġnus, * u glorja tal-poplu tiegħek Israel. Glorja. Ant. Salvana, Mulej, u ħarisna bin-nhar u bil-lejl, biex nishru ma’ Kristu u nistrieħu fis-sliem. (Ż.Għ. hallelujah). Talba Fit-tjieba tiegħek, Mulej, dawwal dan il-lejl li ġej fuqna, u agħmel li aħna, qaddejja tiegħek, nistrieħu fis-sliem, biex f’ismek għada nqumu ferħana mas-sebħ ta’ jum ġdid. Bi Kristu Sidna. R. Ammen. Wara t-talba tingħad il-barka: Il-Mulej li jista’ kollox jagħtina lejl kwiet u tmiem tajjeb. R. Ammen. Fl-aħħarnett, mingħajr versett u talba, tingħad waħda mill-antifoni tal-Madonna. Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej, int bieb illi jagħti għas-sema, int kewkba tal-baħar, Marija! Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna, għajnuna tal-poplu l-maħtur, li b’għaġeb nissilt ‘il min ħalqek fis-siegħa li lqajt it-tislima li tak Gabrijel, u bqajt xebba, kif qabel, hekk wara t-tnissil. Ħenn, Omm, għal uliedek midinba. jew Is-sliem, o Sultana tas-sema, Sidt l-anġli; int l-għerq u l-bieb safi mnejn ġie dawl id-dinja. O Verġni glorjuża, ta’ ġmiel u sbuħija, is-sliem għalik! Itlob lil Kristu għalina. jew Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena; ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik. Lilek ingħajjtu, għaliex aħna tturufnati, ulied Eva. Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu f’dan il-wied ta’ dmugħ. Ejja, mela, avukata tagħna, dawwar lejna dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena; u wrina, wara dan it-turufnament, lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek. O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija. jew Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm qaddisa ta’ Alla: la twarrabx minn quddiemek it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna, u eħlisna dejjem minn kull tiġrib, o Verġni glorjuża u mbierka. https://youtube/watch?v=-HXyMTlQ_PY&list=PL990C3E9E069BF0CB&index=5
Posted on: Mon, 12 Jan 2015 18:41:06 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015