CARITAS MALTA Fondazzjoni Tama Ġdida Riflessjonijiet għal Jum - TopicsExpress



          

CARITAS MALTA Fondazzjoni Tama Ġdida Riflessjonijiet għal Jum il-Gradwazzjoni 2014. Minn Monsinjur Karm Farrugia Assistent Direttur tal-Caritas Kull Persuna Hija Rigal Eċċellenza Sinjura President ta’ Malta, Eċċellenza Monsinjur Arċisqof, mistednin distinti, staff, voluntiera, residenti, u ħbieb tal-Caritas. Illum imiss lili għall-ewwel darba li bħala Assistent Direttur naqsam magħkom dawn ir-riflessjonijiet f’din il-lejla ta’ solidarjeta’ mal-20 żagħżugħ u żagħżugħa li temmew b’suċċess il-mixja ta’ riabilitazzjoni fi hdan il-Caritas. Minn qalbi nifirħilkom u nawguralkom futur aħjar flimkien ma’ l-għeżież tagħkom. B’mod speċjali nixtieq insellem lill-Monsinjur Victor Grech li jinsab fostna. Għal dawn l-aħħar tletin sena ma waqafx ikun ir-ruħ u l-enerġija ewlenija biex titnaqqas u fejn ikun possibbli tintrebaħ il-ħsara waħxija li jġib l-abbuż tad-droga. Jiena nirringrazzjah f’isem il-mijiet ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin u l-familji tagħhom li ħadu ħajja ġdida bil-ħidma bla waqfien tiegħu. Il-ħidma tal-Caritas dejjem kienet maħsuba biex b’delikatezza u determinazzjoni tgħin liż-żgħażagħ jiskopru li fil-fond ta’ l-eżistenza taghħom hemm qawwa sabiħa li biha huma kapaċi jibnu ħajjithom u jkunu ta’ ġid għal ta’ madwarhom. Sa kemm ikun possibbli u ta’ benefiċċju għall-individwu, il-Caritas tibqa’ preżenti biex tagħti l-appoġġ u l-ħiliet meħtieġa fl-aspetti ta’ saħħa fiżika u mentali, u toffri wkoll l-opportunita’ li wieħed jissaħħaħ spiritwalment u jsib postu fil-ħajja soċjali. Dan jistgħu jixhdu għalih mhux biss il-gradwati tal-lum u ta’ l-imgħoddi, imma wkoll il-mijiet ta’ persuni li ta’ kull sena jersqu għall-għajnuna għand il-Caritas. Matul is-sena 2013 ilqajna 653 persuna fis-servizzi tagħna. Dan juri tkabbir ta’ 26% mill-2004 ‘l hawn. L-eta’ l-aktar komuni ta’dawk li talbu u rċevew għajnuna kienet ta’ bejn il-27 u l-34 sena. Dan juri li kien hemm qabża ġmiela ‘l fuq fl-eta’ ta’ dawk li talbu l-għajnuna. Fis-snin ta’qabel l-2007 l-eta’ l-aktar komuni kienet bejn id-19 u 22 sena. Għal darba oħra in-numru ta’ rġiel li ħadu kura riabilitattiva kien bil-wisq akbar minn dak tan-nisa. Fil-fatt 85% jew 556 kienu rġiel u 15% jew 97 kienu nisa. Ninnotaw li f’ħafna mill-każi, il-klienti femminili jkunu għaddew minn esperjenzi ta’ ħsara fiżika, mentali u emozjonali kbira. Minħabba f’hekk it-trattament ta’ riabilitazzjoni magħhom jitlob aktar attenzjoni u perseveranza. 39% mill-klienti resqu lejn il-Caritas minn jeddhom, 33% kienu imħajrin mill-familja. Il-bqija resqu għal raġunijiet varji. F’dak li hu impjieg, mill-klienti tagħna kien hemm 40% jaħdmu, 48% mingħajr impjieg, 7% kienu studenti, u 5% ma kienux f’qagħda li jistgħu jimpjegaw ruħhom. Xi droga kienu qed jużaw dawn il-klienti? L-istatistika turi li għal darba oħra kien hemm tnaqqis fl-użu ta’ l-Eroina. Mill-2004 ‘l hawn dan it-tnaqqis kien ta’ 25%. Minn naħa l-oħra kien hemm żjieda fl-użu tal-Kokaina li mill-2004 żdiet b’24%. Id-droga sekondarja, jiġifieri dik li tkun qed ttittieħed mad-droga l-aktar preferuta, kienet il-Kokaina bi 32%, filwaqt li l-Kannabis intagħażlet minn 30% bħala t-tieni droga, u l-Eroina minn 12%. Minn dawk li talbuna l-għajnuna fl-2013 sirna nafu li l-biċċa l-kbira minnhom bdew jużaw l-Eroina ta’ 14-il sena, il-Kannabis ta’ 15-il sena, u l-Kokaina ta’ 16-il sena. Huwa ta’ tħassib li qegħda togħla l-eta’ ta’ dawk li jitolbu l-għajnuna. Dan jista’ jfisser li l-użu rikrejazzjonali tal-Kokaina u l-Kannabis qed jinganna liż-żgħażagħ għal numru ta’ snin sakemm jammettu li tkun saritilhom ħafna ħsara. L-użu eċċessiv ta’ l-alkoħol flimkien ma’ l-użu ta’ sustanzi oħra qed iqiegħed f’perikli kbar lis-saħħa mentali ta’ ħafna żgħażagħ u adolexxenti. Barra minn hekk l-użu ta’ għamliet ġodda ta’ sustanzi sintetiċi li fihom taħlit dejjem jinbidel ta’ kimiċi perikolużi qed idaħħal lil ħafna persuni f’toroq u stili ta’ ħajja mudlama li mhux bilfors jirnexxilhom joħorġu minnhom. Fis-soċjeta’ miftuħa tal-lum id-diskussjoni dwar l-aħjar mod kif tiġi ndirizzata l-problema ta’ l-abbuż mid-droga tieħu xejriet differenti. F’din id-diskussjoni s-soċjeta’ trid tkun umli biżżejjed biex ma tmurx għal soluzzjonijiet li aktar jakkomodaw il-moda tal-mument milli jwieġbu għall-bżonnijiet tal-bniedem sħiħ. Nixtieq nagħmel appell lill-oqsma kollha tas-soċjeta Maltija u Għawdxija biex ma nibqgħux inkejlu biss il-progress tagħna bħala nazzjon fuq l-iżvilupp fl-ekonomija u xejriet liberali fl-imġieba. Dawn weħidhom jistgħu jagħmuna u ninsew li kull bniedem li jitwieled jeħtieġ ambjent fejn jista’ jitgħallem japprezza u jħobb lilu nnifsu billi jkun responsabbli. Ikun ferm perikoluż jekk nippretendu li l-persuna se titgħallem tgħix b’mod bilanċjat waħedha. Il-valuri posittivi ta’ onesta’, sens ta’ sagrifiċċju u altruiżmu, flimkien ma’ l-imħabba għall-ħajja huma pedamenti essenzjali. F’soċjeta’ mgħaġġla u kurjuża biex idduq dak li hu jew jidher ġdid, hemm bżonn akbar ta’ edukazzjoni tal-qalb li tkun kapaċi tiddjaloga u saħansitra tasal biex taħfer ħalli hekk tinħeles mill-iskjavitu tal-konflitt. Il-White Paper “Riforma fil-liġijiet dwar id-droga ta’ l-abbuż” li għada kemm ġiet ippubblikata, qed tagħti opportunita’ biex nirriflettu u nagħtu s-sehem tagħna biex il-passi li jittieħdu jkunu tassew ta’ għajnuna mhux biss għal min jaqa’ fil-vizzju, imma wkoll biex jiġu mħarsa l-familji u s-soċjeta’ in ġenerali. Il-Caritas imsaħħa b’dawn is-snin kollha ta’ esperjenza qed tagħti u se tkompli tagħti s-sehem tagħha. Aħna nsostnu għal darba oħra li l-kastig fih innifsu ftit li xejn jista’ jfejjaq speċjalment jekk ifisser priġunerija. Nifhmu li hemm bżonn ta’ tibdil biex fit-tfassil u l-applikazzjoni tal-liġi jkun hemm aktar kompassjoni u opportunitajiet ta’ riforma personali ta’ min jinqabad juża sustanzi. Imma billi kull droga hi ħażina u ta’ ħsara, is-soċjeta’ ma tistax tippermetti jew tipprovoka sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm deterrent, jew li jkun aċċettat l-użu limitat ta’ xi droga. Mhix skuża li b’daqshekk se nrażżnu l-black market. Għal darba oħra nirrakkomandaw li jitwaqqaf il-Qorti tad-Droga biex il-każi relatati magħha jinstemgħu aktar malajr, b’sentenzi li jressqu l-akkuzat lejn il-kura li jeħtieg. Għaldaqstant nemmnu li l-liġijiet fejn tidħol il-piena għandhom jigu aġġornati. Madankollu ma rridux li jkun hemm min jaħseb li mhemmx reat jew ħażen fl-użu jew traffikar tad-droga, hi liema hi. Il-Papa Franġisku, fl-20 ta’ Ġunju li għadda, qalilna li d-droga ma tinrebaħx bid-droga. Qalilna biex ngħidu Le għal kull tip ta’ droga. Iżda biex ngħidu din il-le, jeħtieġ li ngħidu iva għall-ħajja, iva għall-imħabba, iva għall-oħrajn, iva għall-edukazzjoni, iva għall-isport, iva għax-xogħol. Fl-istess ħin fakkarna li “Il-Knisja, fidila lejn il-mandat ta’ Ġesù biex tmur kulfejn hemm xi ħadd li qed ibati, xi ħadd bil-għatx, xi ħadd bil-ġuħ, xi ħadd fil-ħabs, m’abbandunatx lil dawk li waqgħu fin-nassa tad-droga, imma marret tiltaqa’ magħhom bl-imħabba kreattiva tagħha. Qabdithom minn idejhom, permezz tal-ħidma ta’ tant operaturi u voluntiera, biex huma jiskopru mill-ġdid id-dinjita’ tagħhom u għenithom biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lil dawk ir-riżorsi, lil dawk it-talenti personali li d-droga difnet imma ma setgħetx teqred la darba kull bniedem hu maħluq fuq is-sura u x-xbieha t’Alla” Dan hu li qed niċċelebraw f’din l-okkażjoni tal-Gradwazzjoni għax għalina, kull persuna hija rigal. L-isfidi quddiem il-Caritas mhumiex żgħar. Bi djalogu kontinwu bejn dawk responsabbli mit-tmexxija tal-programmi u flimkien mal-management, għaddejin min proċess gradwali ta’ tiġdid. L-istaff tagħna jirċievu aġġornamenti u taħriġ kontinwu kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi oħra. Biex noffru ambjenti aħjar għall-fażi residenzjali tal-programmi ma ndumux ma nibdew ix-xogħol ta’ refurbishment ta’ żewġ blokki fil-kumpless ta’ San Blas biex nilħqu aħjar il-bżonnijiet ta’ Shelter/Orientation għall-irġiel, u Shelter/Programme għan-nisa. Hawn nixtieq nirringrazzja lill-benefattriċi Elaine Agius, tal-programm televisiv Mitqlu Deheb li se tidhol għal wieħed minn dawn il-proġetti. Qed nistennew risposta minn benefattur għall-proġett l-ieħor. Nixtieq nirringrazzja l-ewwelnett lil Alla l-Imbierek li mill-Evanġelju Tiegħu nieħdu l-ispirazzjoni ewlenija. Nirringrazzja b’mod speċjali lill-Mons Victor Grech li bħala Direttur jispirana u jiggwidana. Grazzi lilek Monsinjur Arċisqof tal-appoġġ u l-inkuraġġiment li tagħtina. Nirringrazzja lill-Bord tad-Diretturi tal-Fondazzjoni Tama Ġdida li dejjem emmnu fil-ħidma tagħna. Ngħid grazzi lill-istaff u lill-voluntiera għad-dedikazzjoni u s-sens ta’ sagrifiċċju fix-xogħol tagħhom. Grazzi lill-benefatturi kollha li jgħinuna nlaħħqu mal-ispejjeż. Nirringrazzja lill-Gvern tal-għajnuna finanzjarja konsiderevoli li jagħtina, u tal-appoġġ li nsibu fil-ħidma tagħna. Grazzi lilek Sinjura President, talli qed tonorana billi tppresiedi din il-Gradwazzjoni, u ta’ l-interess li tieħu fil-ħidmiet tal-Caritas permezz tas-support li dejjem sibna mill-Malta Community Chest Fund. Nagħlaq billi nirringrazzja lill-membri tal-istaff u l-voluntiera li ggwidaw u ħadmu mar-residenti biex tista’ tittella’ din il-lejla. Grazzi wkoll lill-isponsors. Jiena kburi bikom żgħażagħ, kburi bit-tim ta’ ħaddiema tal-Caritas li b’ħila u b’sagrifiċċji fis-skiet, jinsġu ġid kbir fil-ħajja tagħkom u tal-familji tagħkom. Grazzi. Mons. Karm Farrugia 10 ta’ Lulju 2014
Posted on: Wed, 23 Jul 2014 08:23:01 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015