Id-data tal-MEPA turi li m’hemm l-ebda raġuni għaliex kellu - TopicsExpress



          

Id-data tal-MEPA turi li m’hemm l-ebda raġuni għaliex kellu jingħalaq il-Park tal-Familja L-għeluq tal-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn hi storja ta’ kontradizzjonijiet u d-data xjentifika kollha li nġabret fl-aħħar xahar mill-MEPA b’moniteraġġ tal-kwalità tal-arja tikkonferma li m’hemm l-ebda raġuni ta’ saħħa valida għaliex kellu jingħalaq il-park. Il-Ministru Leo Brincat hu fid-dmir li jwieġeb għaliex il-Park tal-Familja għadu ma reġax infetaħ meta d-data miġbura mill-MEPA tikkonferma dak li ilha tgħid l-Oppożizzjoni: li m’hemm l-ebda raġuni valida għaliex il-Park kellu jingħalaq. Dan intqal mill-kelliema tal-Partit Nazzjonalista George Pullicino, Charlo Bonnici u Stephen Spiteri waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn. Il-Kelliem għall-Enerġija George Pullicino spjega li tul ix-xahar li għadda, il-MEPA kienet qed tiġbor readings tal-livelli ta’ sulphur dioxide fl-arja permezz tal-air monitoring station li tpoġġa fl-entratura tal-Park tal-Familja. Dan wara li l-Ministru Brincat inħeba wara rapport li jgħid li minħabba li kienet żviluppat ħsara f’makkinarju tal-Impjant ta’ Sant Antnin, magħruf bħala hydroliser, kienu se jiżdiedu l-emissjonijiet ta’ kubrit b’detriment għall-familji. Ir-riżultati tal-moniteraġġ tal-kwalità tal-arja mill-MEPA jitkellmu waħedhom. Minkejja li l-Ministru Brincat għadu ma sewwiex il-hydrolyser għalkemm għaddew kważi erba’ xhur minn meta żviluppat il-ħsara, il-livelli ta’ sulphur dioxide fl-arja huma biss persentaġġ żgħir ħafna tal-massimu stabbilit mill-Unjoni Ewropea. Altru milli l-kwalità tal-arja hija ta’ periklu għall-familji d-data turi li l-kwalità tal-arja fil-Park tal-Familja hi ta’ livell tajjeb. Dan, qal George Pullicino, juri li mhuwiex veru li l-Park tal-Familja ingħalaq minħabba l-kwalità tal-arja iżda minħabba l-inkompetenza tal-Ministru Brincat u tal-Bord tal-WasteServ li ħatar hu stess. It-tabib Stephen Spiteri, Chairman tal-Kumitat tal-Grupp Parlamentari għan-Nofsinhar ta’ Malta, qal li din hija t-tieni istanza fi ftit ġimgħat li l-Gvern Laburista ta’ Muscat ipprova jbeżża lill-pubbliku bl-iskuża tas-saħħa. Sitt xhur wara li Muscat bena kampanja elettorali madwar il-biża ta’ “fabbrika tal-kanċer” fin-nofsinhar tal-pajjiż, l-istess Gvern Laburista mar kontra l-wegħda tiegħu stess bl-għażla li jkompli juża l-heavy fuel oil fl-estensjoni tal-power station ta’ Delimara. Issa l-Ministru Leo Brincat inqabad jinħeba wara rapport u jbeżża lill-pubbliku b’saħħithom meta huwa evidenti li dan mhux il-każ. Stephen Spiteri appella lill-Prim Ministru Muscat biex ma jbeżżax lin-nies b’saħħithom stess. Il-qlajja tal-periklu tas-saħħa li bena l-Ministru Brincat hi kontradizzjoni oħra ta’ Gvern li qed jimxi bl-addoċċ. Fl-intervent tiegħu, il-Kelliem għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ambjent Charlo Bonnici qal li l-kontradizzjonijiet huma evidenti. Fl-istess ġimgħa li l-Ministri Brincat inħeba wara rapport sabiex jagħlaq il-Park tal-Familja bl-iskuża tal-periklu għas-saħħa tan-nies, ikkonferma li l-livelli ta’ kubrit kienu taħt il-massimu stabbilit mill-Unjoni Ewropea u qal li l-ħaddiema tal-Impjant ta’ Sant Antnin ma kienu fl-ebda periklu u setgħu jibqgħu jaħdmu hemm. Ftit wara, il-Ministru Brincat iltaqa’ mal-UĦM u mal-Fondazzjoni Inspire u kkonferma magħhom li ma kien hemm l-kwalità tal-arja kienet ta’ livell tajjeb. Dan kollu kkonfermatu l-Fondazzjoni Inspire, li wkoll qabbdet esperti indipendenti biex taċċerta lill-klijenti tagħha li l-kwalità tal-arja hi tajba, u mill-MEPA stess permezz tal-air monitoring station. Il-Ministru Brincat irid iwieġeb għaliex għalaq il-Park tal-Familja. Hu ċar mid-data tal-MEPA stess li l-Ministru Brincat ma kienx qed jgħid il-verità meta għalaq il-Park tal-Familja bl-iskuża tal-kwalità tal-arja. Il-Ministru Brincat ma għalaqx il-park bi prekawzjoni iżda b’vendikazzjoni. Għaldaqstant, minflok jipprova jinħeba wara r-rapport biex jgħatti l-inkompetenza tiegħu, il-Ministru Leo Brincat għandu jerġa jiftaħ il-park minnufih.
Posted on: Mon, 09 Sep 2013 17:04:59 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015