Il-Kantilena – serata speċjali fl-okkażjoni tar-restawr - TopicsExpress



          

Il-Kantilena – serata speċjali fl-okkażjoni tar-restawr tal-volum Xahar wara s-serata f’ġieħ Rużar Briffa fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta għoġbu jospita mill-ġdid lill-Akkademja tal-Malti, din id-darba flimkien mal-Kunsill għar-Riżorsi tal-Arkivju Nutarili għal serata fl-okkażjoni tar-restawr tal-volum li fih tinsab il-Kantilena ta’ Pietru Caxaro – għanja miktuba bil-Malti medjevali u l-eqdem waħda li nstabet s’issa. Għall-Akkademja tal-Malti, l-Arkivju Nutarili huwa santwarju tal-Malti bikri mżejjen b’għejun ta’ kelmiet li jagħtina ħjiel ta’ kif kien mitkellem ilsienna fl-epoki tal-imgħoddi. Is-sejba tal-Kantilena minn Patri Mikiel Fsadni u l-Prof. Godfrey Wettinger fit-22 ta’ Settembru 1966 qanqlet riċerka sħiħa u ispirat lil ħafna studjużi biex jiddedikaw ħinhom ifittxu f’dan l-arkivju u jirrestawraw il-manuskritti miġmugħin ġo fih. Matul is-snin l-Akkademja ħadet ħsieb torganizza għadd ta’ seminars u taħditiet fuq il-Kantilena. Nhar il-5 ta’ Novembru 2008 l-Akkademja ċċelebrat għeluq l-40 sena mis-sejba tal-poeżija medjevali b’serata fil-Knisja ta’ San Duminku, li fiha l-kelliem ewlieni kien il-Prof. Alexander Borg. L-Akkademja ħadet ħsieb ukoll tinnomina lil Patri Mikiel Fsadni għal Ġieħ ir-Repubblika. Fit-18 u d-19 ta’ April 2009 organizzat żewġ seminars f’Palazzo Falson u fl-istess post ukoll, it-taħdita hemme ard bayda v hemme ard seude et hamyra fuq kif il-Ġeografija tgħinna nifhmu l-Kantilena minn Dr John A. Schembri li saret fl-24 ta’ Lulju 2011. Fl-aħħar attività marbuta mal-Kantilena li saret fl-4 ta’ Lulju fil-Palazz Verdala, imtellgħa bi sħab mal-Kunsill għar-Riżorsi tal-Arkivju Nutarili, tnieda r-restawr tal-volum li fih tinsab l-għanja ta’ Pietru Caxaro – xogħol li sar bl-akbar reqqa u professjonalità minn Dr Theresa Zammit Lupi u li kien sponsorjat mill-Akkademja. Matul id-diskors tagħha, u bil-għajnuna ta’ ritratti proġettati, Dr Zammit Lupi tat rendikont dettaljat ta’ kif sar ir-restawr fuq il-manuskritt ta’ Brandanu de Caxario. Dr Joan Abela, ko-fundatriċi tal-Kunsill għar-Riżorsi tal-Arkivju Nutarili u waħda mill-voluntiera ħabrieka li jaħdmu fl-arkivju, tkellmet dwar il-ġid prezzjuż merfugħ f’dan l-Arkivju Nutarili – ġawhra tassew importanti fil-wirt nazzjonali ta’ artna. Id-diskors ta’ Dr Abela wkoll kien imsaħħaħ minn għadd sabiħ ta’ ritratti proġettati biex l-udjenza setgħet tapprezza l-ħidma kbira għaddejja mill-voluntiera u r-riċerkaturi li mill-ftit riżorsi u finanzi li jirċievu jkomplu jikkultivaw dan il-patrimonju tant għażiż. Dr Joan Abela saħqet li l-awtoritajiet jeħtieġ jagħtu widen biex l-Arkivju Nutarili jingħata l-attenzjoni li tassew tixraqlu. Is-serata kienet imżewqa wkoll bil-melodiji ta’ Ruben Zahra li daqq iż-żaqq, il-flejguta u ż-żummara, imsieħeb ma’ Yuri Charyguine li daqq l-accordion. Minbarra li semmgħu melodiji mill-isbaħ, Zahra ta tagħrif interessanti dwar l-istrumenti nfushom. Saru wkoll kummenti minn Olvin Vella li wera kif il-Kantilena hi xhieda ċara ta’ Malti medjevali u kif għadd ġmielu ta’ ħsejjes petrifikati fiha llum tlifniehom. Ħsejjes li ħadu l-ħajja hekk kif Prof. Martin Zammit qara l-Kantilena wara li ta l-interpretazzjoni tiegħu fuq uħud mill-kliem li nsibu fiha. Keith Borg qara silta mill-ktieb Esperjenzi ta’ Kittieb – is-sejba tal-Kantilena – u li biha tfakkar Patri Mikiel Fsadni li ħalliena ftit taż-żmien ilu. Lejn tmiem is-serata, Carmel Azzopard, il-President tal-Akkademja tal-Malti ppreżenta tifkiriet tal-okkażjoni lill-E.T. Dr George Abela, President ta’ Malta u lill-Prof. Godfrey Wettinger. Il-President ta’ Malta mbagħad ippreżenta tifkira tal-okkażjoni lill-Prof. Wettinger bħala apprezzament tal-ħidma u r-riċerka tiegħu b’risq il-patrimonju Malti. L-għanja miktuba b’Malti medjevali rrestawrata kienet esposta għall-pubbliku waqt is-serata. Illum tinsab fl-ewwel volum tal-atti nutarili ta’ Brandanu de Caxaro, miżmuma fl-Arkivju Notarili, il-Belt, f’reġistru mmarkat R 175/1.
Posted on: Wed, 10 Jul 2013 15:58:18 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015