Ruling mogħti mill-iSpeaker Anġlu Farrugia fis-Seduta 56 tal-1 - TopicsExpress



          

Ruling mogħti mill-iSpeaker Anġlu Farrugia fis-Seduta 56 tal-1 ta’ Ottubru 2013, għar-rigward ta’ Ksur ta’ Privileġġ imressaq mill- Prim Ministru kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni. Fis-seduta numru 55 tat-30 ta’ Settembru 2013 il-Prim Ministru Joseph Muscat qajjem point of order fejn talab lill-Kap tal-Oppożizzjoni jissostanzja jew jirtira l-kliem: “li jien indħalt lill-Kummissarju tal-Pulizija”. Dan il-punt tqajjem b’reazzjoni għar-rimarki tal-Kap tal-Oppożizzjoni, l- Onor Simon Busuttil, għall-istqarrija Ministerjali li kien għadu kif ta listess Prim Ministru. Id-diskors li kien qed joġġezzjona għalih il-Prim Ministru, huwa dan li ġej: “Qalulekx, Sur Prim Minsitru, dawn il-mexxejja li ħadd minnhom ma qallek li Malta hija l-agħar fl-Ewropa, li f’pajjiżhom jindaħlu politikament mal-Kummissarju tal-Pulizija sabiex ma jeħux azzjoni kontra nies wara indħil politiku kif għamiltu intom bil- Kummissarju tal-Pulizija fuq il-każ ta’ John Dalli.” B’risposta għall-punt imqajjem mill-Prim Ministru il-Kap tal- Oppożizzjoni kompla jgħid: “Sur President, issostanzjajtha diversi drabi fit-taħdidiet tiegħi, nista’ nkompli imma mhuwiex is-suġġett tal-lum. Nista’ nkompli ngħidhielu imma l-bieraħ, kieku qagħad attent dwar dak li għedt jien u kieku qagħad attent dwar dak li qal l-ex Kummissarju John Rizzo fil-qorti taħt ġurament, il-Prim Ministru bħali kien jasal għall-unika konklużjoni loġika li għandna Kummissarju tal-Pulizija li l-lealtà tiegħu mhijiex lejn il-pajjiż imma lejn il-Prim Ministru li ħatru.” Il-Prim Ministru hawnhekk saħaq li: “Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel allegazzjoni ċara u gravi ħafna li jien indħalt lill-Kummissarju tal-Pulizija, nitolbu jissostanzjaha issa jew jirtiraha.” 2 Meta s-Sedja staqsiet lill-Kap tal-Oppożizzjoni jekk kienx se jissostanzja l-allegazzjoni li kien għamel jew kienx se jirranġa l-kumment tiegħu, huwa wieġeb: “Le, ma nirranġa xejn għax naf x’qed ngħid u rrepetejtu darba, tnejn. Għandna Kummissarju tal-Pulizija li waqqaf għar-raġunijiet politiċi minħabba l-lealtà politika li għandu lejn min ħatru, u ħatru l-Ministru għall-Intern, u ħatru l-Prim Ministru.” Is-Sedja hawnhekk ġibdet l-attenzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni li b’dan id-diskors ma kienx qed jgħid li l-Prim Ministru interfera mal- Kummissarju tal-Pulizija u staqsa lill-Onor Busuttil biex jikkonferma dan u ċioe’: “Jiġifieri m’intix qed tgħid lill-Prim Ministru interfera mal- Kummissarju.” Għal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni wieġeb: “Sur President, jien għedt il-kliem li għedt. Għedt li kien hemm indħil politiku f’dan il-każ u nerfa’ r-responsabilità politika għaliha.” Il-Prim Ministru hawnhekk irrimarka lis-Sedja: “Sur President, jien segwejt dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni barra din il-Kamra. Dak li qal illum huwa – u l-Kap tal- Oppożizzjoni jaf sewwa – differenti ħafna minn dak li qal barra din il-Kamra. Qed jgħid li min-naħa jew tiegħi jew ta’ xi ħaddieħor min-naħa tal-Gvern, min-naħa tal-eżekuttiv, intervjena mal- Kummissarju fuq deċiżjoni li għandu jieħu dwar investigazzjoni. Jien m’għandi l-ebda intenzjoni li ntellef il-flow tal-Kap tal- Oppożizzjoni imma nitlob li jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jirtirax dak li għadu kemm qal, jissostanzja anke f’ħin ieħor imma mbagħad inti, f’seduta oħra, tagħti ruling.” Għall-mistoqsija tas-Sedja dwar jekk hux qed jitressaq każ ta’ ksur ta’ privileġġ il-Prim Ministru wieġeb: “Sur President, naħseb li tista’ teħodha minn diversi lati. Jien naraha li huwa ksur ta’ privileġġ anke għax jien qrajt ittestimonjanza li ta s-Sur Rizzo. ... Illum, implika bl-iktar mod ċar, li jien jew xi ħadd imqabbad minni, qabbad lill-Kummissarju biex 3 jagħmel xi ħaġa u mhux oħra fil-qadi ta’ dmirijietu. Għalhekk, nerġa’ ngħid, mingħajr ma ntellef dan id-dibattitu, nitolbok biex f’seduta oħra, meta tħoss li huwa xieraq, tagħti ruling.” Fl-eżami li trid tagħmel is-Sedja biex tasal għal deċiżjoni dwar il-każ, rat jekk il-proċedura stabbilita fl-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra ġietx segwita u jekk il-fatt jew l-akkuża tistax taqa’ taħt xi waħda millprovvedimenti tal-Ordnijiet Permanenti jew tal-Ordinanza dwar il- Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati (Kap 113). Is-Sedja eżaminat it-traskrizzjoni kif hawn fuq riprodotta, rat ukoll l- Ordnijiet Permanenti 35(3), 36, 48, 60 u 164, kif ukoll l-artikoli 11(1) u 11(4)(b) tal-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra. Is-Sedja rreferiet ukoll għax-xhieda li ta l-ex Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo fil-Qorti l-Ħamis 26 ta’ Settembru 2013 u dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni kif rapportat fil-ġurnal In-Nazzjon tat-30 ta’ Settembru 2013. Fil-konsiderazzjoni tagħha biex tasal għal deċiżjoni dwar il-każ is-Sedja bdiet billi l-ewwel ikkonsidrat dak li dejjem sostniet, jiġifieri li l-libertà tal-espressjoni hija fundamentali għad-demokrazija tagħna, u allura trid tkun kawta ħafna qabel tiddeċiedi li kumment ikun jikkostitwixxi prima facie ksur ta’ privileġġ. Is-Sedja ħadet in konsiderazzjoni wkoll il-fatt li bil-liġi mhijiex kompetenti la li tagħmel xi investigazzjoni preliminari u wisq anqas li tidħol fil-mertu tal-fatti li ssemmew u li tiġġudika dwarhom. Kif ġie deċiż diversi drabi mis-Sedja diversament preseduta, is-Sedja m’għandha ebda poter la li tinvestiga l-fatti tal-każ imressaq u wisq anqas li tesprimi ruħha fuq il-ħtija jew in-nuqqas ta’ ħtija tal-individwu li kontra tiegħu jkun tressaq il-każ ta’ ksur ta’ privileġġ. Dawn huma poteri u drittijiet li l- Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal- Kamra u l-Ordnijiet Permanenti jagħtu esklussivament lill-Kamra u mhux lill-iSpeaker. Dan huwa sostnut minn ruling tal-iSpeaker Louis Galea tal- 15 ta’ Ottubru 2008 u ruling tal-iSpeaker Lawrence Gonzi tat-12 ta’ Ottubru 1992. Hu f’dan il-kuntest li s-Sedja qieset l-Ordni Permanenti 60 li jipprovdi li: 4 “Ebda Membru ma għandu juża kliem offensiv jew mhux xieraq kontra l-karattru … jew b’riferenza għal xi Membru tagħha. Ebda intenzjoni ħażina ma għandha tiġi attribwita lil xi Membru.” kif ukoll l-artikolu 11(4)(b) tal-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati li jgħid: “kull insult jew nuqqas ta’ qima ... lil wieħed mill-Membri tal- Kamra” ikun reat kontra dan l-Att. Is-Sedja f’dan l-istadju tagħmel referenza għat-tifsira legali li l-artikolu 11(1) tal-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra jagħti għallkliem “prima facie” hija li: “l-espressjoni “prima facie” tfisser li l-ilment li jkun sar ikun jallega ksur ta’ xi regola stabbilita b’din l-Ordinanza jew fl- Ordnijiet Permanenti tal-Kamra tad-Deputati ... u ma għandha f’ebda każ tkun tfisser jew timplika xi stqarrija ta’ ħtija jew ta’ innoċenza.” Wara li eżaminat bir-reqqa t-traskrizzjoni tas-seduta tal-bieraħ fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni għalkemm ġie mistoqsi diversi drabi mis-Sedja biex jew jissostanzja jew tal-inqas jirtira l-akkuża diretta fil-konfront tal-Membri tal-Gvern u tal-Prim Ministru, bħala Kap tal-Gvern u allura primus inter pares, huwa baqa’ inadempjenti, tant li fuq invit tal-istess Sedja fejn ġie indikat lilu biex jikkonferma li huwa ma kienx qed jirreferi għall-Prim Ministru li seta interfera’ mal-Kummissarju, xorta baqa’ jsostni l-akkuża tiegħu, anzi kompla żied: “Sur President, jien għedt il-kliem li għedt. Għedt li kien hemm indħil politiku f’dan il-każ u nerfa’ r-responsabilità politika għaliha.” 5 Is-Sedja wkoll tinnota illi d-dutrina parlamentari teżiġi li kull meta jinqala’ każ dwar ksur ta’ privileġġ, dejjem tipprova tara li ċ-ċirkostanza tiġi normalizzata anke seduta stante, kif pruvat addirittura tagħmel din is- Sedja u dan kif ukoll huwa provdut fl-artikolu 61 tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra. Din il-konswetudni hija wkoll riflessa fl-Erskine May Parliamentary Practice (24 ed) f’paġna 277: “When a Member has made an acceptable apology for the offence, the critical motion has sometimes been withdrawn” Dan kien ikun il-każ li kieku l-Kap tal-Oppożizzjoni laqa’ dak li ġie offrut lilu mill-istess Sedja. Jidher ċar li wara li l-istess Prim Ministru kien qiegħed jitlob lill-Kap tal- Oppożizzjoni biex jissostanzja l-akkużi li kien qiegħed jagħmel, u wara li f’dan l-istadju s-Sedja issolleċitat għal darb’oħra lill-Kap tal- Oppożizzjoni biex jieħu linja differenti dwar dak li kien qiegħed jakkuża, il-Kap tal-Oppożizzjoni xorta finalment ddeċieda li: “inħalli kollox preċiżament kif kien għax jien niġbed il-ġudizzju politiku minn dak li seħħ il-ġimgħa li għaddiet, anzi b’mod partikolari x-xhieda ġuramentata tal-ex Kummissarju John Rizzo.” Illi kif diġa kien ġie deċiż min Sedja diversament preseduta, preċiżament mill-iSpeaker Ġuże Flores fis-seduta tat-3 ta’ Ġunju, 1955 fejn fuq referenza dwar responsabbiltà ta’ min ikun qed jagħmel allegazzjoni, aktar u aktar dwar akkuża diretta, l-iSpeaker Flores kien iddeċieda hekk: “Dak li jkun irid jassumi r-responsabbiltà tal-allegazzjoni, jiġifieri jrid ikun lest biex jikkorroboraha, biex jassumiha.” Għalhekk, fin-nuqqas li jikkorrobora l-akkuża, fi kliem ieħor jissostanzja dak li qed jallega, il-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed allura jassumiha u jagħmilha tiegħu, u għalhekk bilfors irid jerfa’ ir-respsonsabbiltà bħalma effettivament għamel. 6 Is-Sedja qrat u ħadet nota wkoll tax-xhieda tal-ex Kummissarju Rizzo, konsistenti f’40 paġna ta’ traskrizzjoni kif mogħtija fis-seduta tal-qorti tal-maġistrati bħala qorti istruttorja preseduta mill-Maġistrat Anthony J Vella tas-26 ta’ Settembru 2013 fl-ismijiet “il-Pulizija vs Silvio Zammit”, kif ukoll kif rapportat mill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar dak li qal l-istess ex-Kummissarju Rizzo fil-ħarġa tan-Nazzjon tat-30 ta’ Settembru 2013. Hawnhekk is-Sedja sejra skrupolożament toqgħod lura milli tesprimi xi fehma jew tagħti xi interpretazzjoni fuq xi mertu tal-każ “Dalli” jew linterpretazzjoni tal-istess xhieda fi kwalunkwe proċess konness, imma qiegħda tasal għal din id-deċiżjoni biss u limitatament fuq dak li ntqal fil- Kamra. Fid-dawl ta’ dan kollu, wara li s-Sedja eżaminat it-traskrizzjoni u ddokumenti msemmija hawn fuq u wara li qieset il-provvediment talartikolu 11(4)(b) tal-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deptuati, kif ukoll l-Ordni Permanenti 60, is-Sedja issib li l-kliem: “Qalulekx, Sur Prim Ministru, dawn il-mexxejja li ħadd minnhom ma qallek li Malta hija l-agħar fl-Ewropa, li f’pajjiżhom jindaħlu politikament1 mal-Kummissarju tal-Pulizija sabiex ma jeħux azzjoni kontra nies wara indħil politiku kif għamiltu intom2 bil- Kummissarju tal-Pulizija fuq il-każ ta’ John Dalli.”, jikkostitwixxu prima facie ksur ta’ privileġġ fit-termini tal-Ordni Permanenti 60 u l-artikolu 11(4)(b) tal-Kap 113 u għalhekk is-Sedja qiegħda tirreferi l-każ lill-Kumitat Permanenti dwar il-Privileġġi mwaqqaf skont l-Ordni Permanenti 120D, sabiex dan jisma lill-Onorevoli Membri involuti, jisma kull prova li tinġieb quddiemu, jeżamina dak li jidhirlu xieraq u wkoll jieħu d-deċiżjonijiet u li jagħmel dawk irrakkomandazzjonijiet u dan kif provdut kemm fl-Ordnijiet Permanenti kif ukoll fl-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati. Filwaqt li s-Sedja tirreferi din il-materja lill-Kumitat Permanenti dwar il- Privileġġi tappella biex, anki f’dan l-istadju qed terġa’ tinvita lill-partijiet biex jistħarrġu l-mezzi kollha li bihom bonarjament ikunu jistgħu jsibu rimedju.
Posted on: Wed, 02 Oct 2013 22:04:01 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015