STQARRIJA Artiklu b’nofs storja Wara li numru ta’ - TopicsExpress



          

STQARRIJA Artiklu b’nofs storja Wara li numru ta’ bandisti u membri avviċanaw lil diversi membri tal-Kumitat Ċentrali sabiex jistaqsu u jiċċaraw il-ħafna xniegħat infondati li qed jintqalu rigward l-“Għaqda Mużikali San Ġużepp”, l-istess Kumitat Ċentrali kien kawt ħafna kemm fil-konfront tal-istess xniegħat infondati kif ukoll fil-konfront tal-persuni li qegħdin ixerdu dawn ix-xniegħat u dan bl-iskop sabiex ma jkabbarx l-affarijiet, bħalma pprova jagħmel l-“artikolista” li ġab artiklu fuq gazzetta lokali tal-Ħadd 15 ta’ Settembru 2013. Il-Kumitat Ċentrali jixtieq jagħmilha ċara li mhux talli ma kellux sehem f’dan l-artiklu, talli anqas biss ġie kkonsultat qabel ma ġie ppublikat, fejn b’qerq liema bħalu, l-“artikolista” ipprova jdaħħal lill-“Għaqda Mużikali San Ġużepp” fi kwistjoni mal-Kurja, liema kwistjoni ma teżistix u qatt ma eżistiet. Dan l-“artikolista” qabad ftit punti minn stqarrija li kien ħareġ dan il-Kumitat Ċentrali, poġġiehom barra mill-kuntest tagħhom u b’mod mill-aktar kundannabli, ħalla barra l-maġġoranza tal-istqarrija li kienet titratta l-aktar punti importanti. Jekk dan ma kienx biżejjed, dan l-“artikolista” żied kliem li l-“Għaqda Mużikali San Ġużepp” qatt ma stqarret. Dan hu individwu bi skop malin li jġib firda u diżgwid fir-raħal tagħna. Il-Kumitat Ċentrali preżenti tal-“Għaqda Mużikali San Ġużepp” dejjem ħadem bla waqfien għall-għaqda fir-raħal u dan, fost oħrajn, jixhed fil-kooperazzjoni sħiħa u għajnuna offruta sabiex jitellgħu d-diversi attivitajiet ta’ kwalukwe organizazzjoni jew entita` oħra f’Għajnsielem, ġewwa s-sede tal-Banda tagħna. Hekk sar u hekk ser ikompli jsir. L-organizazzjoni tal-Festa Titulari B’referenza għall-festa titulari, huwa assolutament mhux minnu li l-“Għaqda Mużikali San Ġużepp” trid tieħu f’idejha l-organizazzjoni tal-festi esterni fir-raħal tagħna, liema organizazzjoni tinsab f’idejn il-parroċċa. Id-dmirijiet lejn il-liġijiet ta’ Malta u r-responsabiltajiet li tkellmet fuqha l-“Għaqda Mużikali San Ġużepp” jinsabu biss waqt il-ħin tal-marċijiet li għalihom is-Segretarju, f’isem il-Banda, jintrabat li jħares, meta jiffirma l-permessi tal-Pulizija u b’hekk b’mod awtomatiku r-responsabilta` tal-istess marċijiet jaqgħu fuq il-Banda. Dan il-fatt elementari huwa kkonfermat fil-linji gwida maħruġa mill-“Għaqda Każini tal-Banda” (sezzjoni Għawdex). L-inizjattivi li ħadet l-“Għaqda Mużikali San Ġużepp” u li bħalhom ilhom jeżistu f’baned oħra Għawdxin għal diversi snin, mhux biss għandhom l-iskop li jħarsu dan li għadu kif ġie spjegat, iżda fuq kollox li taħdem id f’id ma kull għaqda oħra, inkluż l-“Għaqda tal-Armar” sabiex ikollna dejjem aktar festa xierqa li tkun l-għola espressjoni tal-imħabba tagħna lejn ir-raħal t’Għajnsielem u l-Patruna tiegħu, il-Madonna ta’ Loreto. Dan ċertament li jintlaħaq bi briju li jagħmel unur u b’marċijiet aktar organizzati u li jitmexxew bl-aħjar mod possibli sabiex jaslu fil-ħin hekk kif stipulat fil-permessi tal-Pulizija. Kooperazzjoni ma’ għaqdiet oħra Ix-xniegħat infondati li bħalissa qegħdin jinxterdu kontra l-“Għaqda Mużikali San Ġużepp” saħansitra implikaw li dawn l-inizjattivi saru bl-iskop li titkisser xi għaqda oħra f’Għajnsielem. Il-fatt biss illi l-għaqdiet implikati qegħdin jaħdmu għal għanijiet u f’ambjenti kompletament differenti, joqtol għal kollox din ix-xniegħa falza u perikoluża. Iżda mhux biss – bħalma diġa ntqal, il-Kumitat Ċentrali preżenti dejjem u f’kull ħin offra spazju lill-għaqdiet oħra sabiex jorganizzaw attivitajiet għal ġbir ta’ fondi bħal pereżempju l-pre-feast party, l-bejgħ tad-drapp tal-festa u attivitajiet oħra, u hekk bi ħsiebu jkompli jimxi fil-futur, dejjem għall-ġid tar-raħal tagħna. Ħlas tas-servizzi waqt il-Festa Titulari Il-Kumtiat Ċentrali jiċħad bil-qawwa kollha li l-“Għaqda Mużikali San Ġużepp” qiegħda titlob xi ħlas għas-servizzi li toffri fil-festa titulari. Filwaqt li din ix-xniegħa infondata, din hija wkoll insult lejn il-Bandisti li minn qalbhom joffru s-servizzi matul il-jiem tal-festa mingħajr ħlas. Il-Kumitat Ċentrali jfakkar fil-ftehim li hemm mal-parroċċa rigward il-ħlas għall-bandisti barranin u t-tmien baned mistiedna, liema ftehim ilu jiġi osservat miż-żewġ partijiet sa mis-snin sittin u li ġie aġġornat f’Lulju tal-2011. Il-Kumtat Ċentrali jfakkar ukoll li b’disa’ servizzi fil-festa titulari, l-“Għaqda Mużikali San Ġużepp” hi fost l-aktar baned f’Għawdex li toffri servizzi mużikali fil-festa tar-raħal u ta’ dan ilkoll għandna nkunu grati lejn il-Bandisti għall-impenn tagħhom. Appell Fl-aħħarnett nappellaw lill-poplu kollu t’Għajnsielem sabiex iħares ‘il quddiem u jfittex dejjem il-ġid tar-raħal tagħna u ma jippermetti qatt li jħalli l-intenzjonijiet malizjużi ta’ ċerti individwi jwaqqfu l-progress mixtieq. Illum l-“Għaqda Mużikali San Ġużepp” hi katalista ewlenija ta’ dan il-progress, rifless fis-sede u fil-ħidma mużikali u kulturali tagħha, u hekk trid tibqa’ fis-snin li ġejjin. Kumitat Ċentrali 30 Ottubru 2013
Posted on: Mon, 04 Nov 2013 09:16:03 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015