Ċekk jitkellem Kitba tal-Prof. Manwel Mifsud Jgħidu li hawn - TopicsExpress



          

Ċekk jitkellem Kitba tal-Prof. Manwel Mifsud Jgħidu li hawn ċekkijiet jaqbżu. Iċ-ċekk tiegħi ma jaqbiżx. Jitkellem. Mela l-bank Malti tiegħi ħariġli ktieb taċ-ċekkijiet miktub kollu bl-Ingliż. Qaluli lil kulħadd hekk jagħmlu, u jien m’iniex speċjali. Imma jien l-isem u l-ammont tal-flus, la nimliehom jiena u qed noħroġhom minn buti, nimliehom kif jogħġobni, bil-Malti. Hekk inħossni komdu, għalija hekk normali. Imma x’normali normali? Ngħidilkom li matul is-snin għandi ġabra sħiħa ta’ reazzjonijiet imħallta għal għemili. Fejn qatt għaddieli minn rasi li kont se nqanqal dinja b’dawn il-kelmtejn maħżużin bil-bajrow bil-lingwa ta’ pajjiżi? Fejn qatt bsart li ċ-ċekk tiegħi jitkellem?! Kien hemm dawk – u kienu bosta – li ħarsu għal darba tnejn, refgħu ħuġbejhom u bit-tbissima qaluli “Kos, kemm hu stramb bil-Malti!” Jien, li barra mill-klassi ma nħobbx nagħmel lezzjonijiet twal, weġibthom li għalija proprjament iktar huwa stramb il-kliem stampat madwar il-kitba bil-bajrow. U ħallejthom. “Aqtagħli kurżità”, staqsieni ġuvnott f’ħanut taż-żraben, “Inti xi tiċer tal-Malti?” waqt li ġegħilni nħossni qisni xi aljen nieżel minn pjaneta oħra. Nistqarr li kienet ftit ferħa bla temma meta lavranta grazzjuża qaltli bit-tbissima li kienet qed tagħrafni... imma, miċ-ċekk miktub bil-Malti! Kont ili sena ma mmur nixtri diska mingħandha, sena ta’ ċekkijiet Maltin bl-Ingliż! Iktar kont nieħu pjaċir kieku qaltli li għarfitni minn wiċċi. Imma l-aħjar waħda ta’ dak l-iskrivan li, wara li ħares suspettuż lejn iċ-ċekk tiegħi għal darba tnejn minn taħt in-nuċċali, dar fuqi u qalli: “Isma’, bil-Malti jiswa?” Tlabtu jogħġbux jiktibli ċekk ta’ elfejn ewro bil-Malti, la ma jiswiex. Taf li ma kitibhulix! U bdejt nintebaħ li kull meta mmur nixtri u nħallas biċ-ċekk, kont qed naqla’ ħarsa ta’ mogħdrija u ta’ nuqqas ta’ sabar. Miskin, ma jafx bl-Ingliż... u kemm hawn minnhom! Ħadd ma qalhieli f’wiċċi, imma kienet tinqara ċar fil-ħarsa t’għajnejhom. Kif jistgħu ma jindunawx... anke ismu Manwel, bil-Malti! Hekk le, xbin. Ma’ ismi m’hemmx logħob. Qbiżt malajr sal-bank Malti tiegħi u tlabthom iżiduli titlu grandjuż quddiem ismi. Issa nġbart, u ismi sar impressjonanti. Meta s-Sibt ta’ wara mort bi lbies tax-xogħol nixtri patalott ieħor mingħand taż-żebgħa, kelli reazzjoni iktar kumplessa. Wara l-ħarsa ta’ ħniena (li armajn drajtha), hekk kif għajnejh waqgħu fuq it-titlu mċappas ma’ ismi feġġet fuq wiċċu ħarsa oħra, ta’ stagħġib u fixla... Stħajjiltu wieħed minn missirijietna mifxulin quddiem l-Appostlu Missierna bil-lifgħa f’idu. Ħarsa ta’ stagħġib, kważi ta’ biża’. Hawn x’għandna? Annimal stramb dan! Jaf bl-Ingliż imma jikteb bil-Malti... Dan jaf ikun perikoluż. U min ilumu? Kif jista’ jeżisti annimal hekk stramb f’pajjiż tant normali?
Posted on: Fri, 11 Jul 2014 10:09:02 +0000

Trending Topics



" style="margin-left:0px; min-height:30px;"> A nemzet színe-java… avagy a politika
Forget about your to-do list for a minute because this video has

Recently Viewed Topics




© 2015