Fit-Torca tal-lum. Il-Fondazzjoni Mid-Dlam ghad-Dawl tghin - TopicsExpress



          

Fit-Torca tal-lum. Il-Fondazzjoni Mid-Dlam ghad-Dawl tghin prigunier jaghmel kawza kostituzzjonali. Wara li ressaq rikors kostituzzjonali bbażat fuq deċiżjoni tal-Qorti Ewropea Nitlob skuża lill-vittmi sakemm immut imma naħseb ħallast qares għal għemili – Ben Ali Wahid Ben Hassine, qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs minn joseph farrugia “Għandi xaqq ta’ dawl. Din hija l-ewwel darba li l-prospetti li jkolli tama ġdida f’ħajti huma pożittivi. Illum jien bniedem mibdul u matur ħafna iktar. Sakemm immut se nibqa’ nitlob skuża lill-qraba tal-vittmi iżda naħseb ħallast qares u ħadt il-kastig li kien jixraqli.” Dan stqarru t-Tuneżin Ben Ali Wahid Ben Hassine f’intervista esklussiva mat-TORĊA wara 26 sena fil-Faċilità Korrettiva ta‘ Kordin. Nhar il-21 ta’ Frar tal-1992 huwa ntbagħat għomru l-ħabs flimkien ma’ Tuneżin ieħor Mosbah Mohsen Ben Ibrahim wara li ammettew qabel għaddew ġuri li f’temp ta’ tmintax-il ġurnata fil-bidu tal-1988 qatlu erba’ persuni, tnejn barranin u tnejn Maltin li kienu xufiera tat-taxi. Ben Hassine, flimkien ma’ Mosbah Mohsen, huwa l-iktar priġunier li ilu jiskonta sentenza f’Kordin iżda tidher evidenti t-tama fuq wiċċu li wara dawn is-snin kollha jista’ jkollu verament il-possibbiltà li jibda jgħix ħajja ’il barra minn dawk il-ħitan ħoxnin u għoljin. “Ħsibt li Ben Hassine huwa bniedem minsi għal kollox barra l-ħitan tal-ħabs. Ix-xewqa tiegħi hija li wara li nkun skontajt dak li ħaqqni nuri li jien bniedem mibdul u xi darba ngħix. Qed ngħid dan għax l-aħjar żmien ta’ ħajti qattajtu hawn. U bir-raġun għax ġustizzja trid issir. “Iżda naħseb li ħallast qares u kif qed ikun konfermat mill-Qorti Ewropea wkoll persuna għandha tingħatalha possibbiltà li tinħeles. Għandu jkun hemm sistema u kundizzjonijiet, mela le, imma naħseb wara ċertu ammont ta’ snin, qed ngħidu 25 sena, naħseb li jkun perjodu biżżejjed għal persuna biex jekk verament trid tirriforma ruħha tagħmel dan.” Petizzjonijiet Ben Hassine jgħid li din hija l-ewwel darba li qed jitkellem għax fil-passat kellu wkoll petizzjonijiet li lanqas biss kie-nu mwieġba. “Il-kawża kostituzzjonali hija l-ewwel darba li toffri prospetti pożittivi u xaqq ta’ dawl li nista’ noħroġ minn hawn. Fil-passat għamilt petizzjonijiet. Tlabt ukoll li forsi niskonta s-sentenza tiegħi f’pajjiżi. Qatt ma kelli risposti u kienet biss darba, dik li kont ktibt f’Marzu tal-2010, li kienet imwieġba. Ir-risposta kienet fin-negattiv imma almenu mhux qisni ma neżistix.” Ben Hassine jiddeskrivi x’ġiegħlu jiġi Malta. “Jien mit-Tuneżija u wara li fetħu l-fruntiera mal-Libja ridt immur naħdem fil-Libja. Iżda kien hemm kju ta’ madwar 30,000 persuna tistenna biex taqsam din il-fruntiera. Fuq Malta ftit li xejn kont naf, imma kont smajt li Malta għandha relazzjoni tajba ħafna mal-Libja. Għalhekk biex nipprova nevita stennija twila, iddeċidejt niġi Malta u minn hawn insalpa bil-vapur lejn il-Libja minħabba li dak iż-żmien kien hemm is-sanzjonijiet fuq il-Libja. “Kont alloġġjat f’lukanda żgħira fil-Belt iżda darba minnhom qomt filgħodu u ma sibt xejn mill-affarijiet tiegħi fosthom il-flus. Irqadt anke barra u ltqajt ma’ Mohsen. Rajtu ġenna tal-art iżda ma kontx naf x’kellu f’rasu. Inqbadt f’ċirkostanzi veru kefrin.” L-omiċidji saru fil-bidu tal-1988 iżda s-sentenza ngħatat wara erba’ snin, fi Frar tal-1992. “X’ħin tirrealizza s-sitwazzjoni, tiddispra u għaddejt perjodi mqallbin fil-ħabs u nirringrazzja ħafna lill-għaqdiet volontarji li jżuru u jgħinu lill-ħabsin, bħall-Għaqda mid-Dlam għad-Dawl u l-Prison Fellowship. Fil-każ tiegħi ma rridx ninsa lanqas lill-psikjatra Dr Spiteri.” Il-pożittiv mill-ħabs Ben Hassine jirrakkonta kif mill-ħajja l-ġdida li kien kostrett jgħix fil-ħabs, ipprova jieħu l-pożittiv. “Jien dilettant kbir tal-futbol u għalkemm saqajja tiekolni biex nagħti daqtejn u ma nitlifx iċ-ċans, ridt li nsarraf ħini fil-pożittiv. Filfatt dħalt hawn naf l-Għarbi u l-Franċiż biss imma llum nitkellem ħames lingwi. Minbarra hekk ħadt xi korsijiet oħrajn meta fetħet l-iskola u mmidd idi wkoll fosthom billi ħdimt bħala book binder, ngħaqqad pupi tal-Playmobil kif ukoll nagħmel skultura bis-sapun.” Iżda Ben Hassine jammetti li jiġu mumenti ta’ frustrazzjoni u disprament u żvela kif anke kien hemm mumenti fejn abbuża mid-droga. Iżda huwa qal li qatt ma daħal fl-inkwiet mal-gwardjani jew uffiċjali, anke meta l-ħabs għadda minn perjodi mqallbin u xejn feliċi. “Naf li rrid ngħix ħajti hawn ġewni mumenti koroh ukoll u għaddejt minn perjodu ta’ dipressjoni wkoll. Tant li ma tkunx tiflaħ iktar u nistqarr li d-droga ma naqsitx ukoll.” Pront ġbidtlu l-attenzjoni fuq dan il-punt. Huwa qal: “Mhux kulħadd jaf b’din l-affari. Imma jien ma ridtx naqbad toroq ħżiena u b’rieda ħriġt minnha wkoll bi programm fil-Forensic Unit. Imma ta’ min igħid li s-snin bejn l-1993 u l-1995 il-ħabs kien ‘total loss’, bla kontroll tant li tal-SAG u forzi oħrajn tal-ordni dejjem hawn biex jikkontrollaw. “Jien sodisfatt li qatt ma kelli każ ta’ vjolenza ma’ uffiċjal tal-ħabs u għalkemm id-destin tiegħi kien għomri hawn, kelli tama żgħira fis-sentenza meta kien irrakkomandat li nagħmel minimu ta’ 22 sena.” Ben Hassine rrefera għall-perjodu meta fl-aħħar laħaq it-22 sena fil-ħabs ta’ Kordin. “Ħadt ir-ruħ għax bdejt nittama li tittieħed inkunsiderazzjoni r-rakkommandazzjoni tal-qorti. Iżda xejn, it-talbiet tiegħi jaqgħu fuq widnejn torox u s-snin baqgħu igerrbu u erġajt bdejt inħoss l-istess sentiment u frustrazzjoni ta’ meta dħalt fil-ħabs għax bdejt nirrassenja ruħi li verament għomri se nqattgħu fil-ħabs Malti.” Iżda s-sentenza tal-Qorti Ewropea ħolqot tama ġdida għal Ben Hassine u mistoqsi x’wasslu jagħmel ir-rikors kostituzzjonali, qal: “Jien insegwi dak li jkun qiegħed jiġri iżda kienu tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl li għenuni nagħmel dan il-pass. Ta’ dan jien nirringrazzjahom għax iwettqu ġid kbir mal-ħabsin u jappoġġjawhom u jgħinuhom ikomplu jemmnu u jagħtu tifsira lill-ħajja. “Jien ilni iktar minn 25 sena hawn u s-sentenza tal-Qorti Ewropea tagħtini d-dritt infittex rimedju u nirringrazzja lil dawk kollha li komplew jispirawni ngħix. Għalija din tfisser xaqq ta’ dawl u għall-ewwel darba hemm prospetti verament pożittivi.” Mistoqsi għalfejn jaħseb li Ben Hassine jista’ jkun ħaqqu l-libertà, hawnhekk huwa deher emozzjonat u nfexx jibki. Imbikkem u b’dipjaċir evidenti fuq wiċċu tant li lanqas felaħ ilissen kelma, qal: “Ben Hassine huwa bniedem ferm iktar matur u mibdul. Meta nirrealizza dak li għamilt niftakar biss fil-familjari tal-vittmi. “Naħseb li ħallast qares għal għemili imma sakemm immut nibqa’ nitlob skuża lill-qraba. Nifhem li mhix faċli imma wara 26 sena fil-ħabs, jien bniedem mibdul. Illum inħoss daqs il-qraba tal-vittmi.” Jirritorna f’pajjiżu Fost ir-rimedji Ben Hassine jista’ jinħeles. Hawnhekk Ben Hassine esprima l-biża’ ta’ ħafna priġunieri oħra. Ma jafx x’dinja se jsib wara kwart ta’ seklu maqful bejn il-ħitan tal-ħabs. “Daqskemm jien ħerqan li ngħid ħriġt minn hawn, għandi l-biża’ x’se nsib hemm barra. Konvint li se nsib dinja u ġenerazzjoni ġdida mingħajr ma naf lil ħadd.” Madankollu Ben Hassine jammetti li jekk joħroġ mill-ħabs ta’ Kordin, jixtieq jerġa’ jara l-qrabatu u jgħix fit-Tuenżija. Ben Hassine tilef lil missieru xahar ilu. Ommu għadha ħajja u huwa fost ħamest aħwa, tliet ibniet u ħuh iżgħar minnu. Huwa jgħid kif ħutu jaħdmu mal-gvern Tuneżin u saħansitra sa tliet snin ilu oħtu kienet tifforma parti mill-Parlament Tuneżin. “Femminista ħafna u magħrufa għal dan il-għan,” stqarr Ben Hassine fuq oħtu. Huwa kellu kliem ta’ tifħir għal zitu għax “tgħollili ħafna l-moral u tgħidli għandek l-għarusa qegħda tistennik.” Ben Hassine qal li la jirritorna fit-Tuneżija jrid iqatta’ l-kumplament ta’ ħajtu f’pajjiżu għall-kwiet u qalb in-natura jaħdem l-agrikoltura. F’Faċilità Korrettiva ma tagħmilx sens li persuna tinżamm maqfula għal dejjem – Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl Il-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl tisħaq li ma jagħmilx sens li persuna tinżamm maqfula għal dejjem fil-ħabs meta qegħda ssir ħidma biex il-ħabs jinbidel f’faċilità korrettiva. Il-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl laqgħet b’sodisfazzjon is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għax ingħatat raġun għall-proposti mressqa minnha fil-memorandum mgħoddi lill-partiti politiċi qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Fil-fatt fil-każ ta’ sentenza ta’ għomor il-ħabs, il-Fondazzjoni ssuġġeriet li priġunier li qed jiskonta għomru l-ħabs m’għandux jibqa’ jistrieħ biss fuq il-prerogattiva tal-maħfra iżda għandha tkun estiża s-sistema tal-parole għal dawn il-priġunieri wkoll. Għaldaqstant il-Fondaz-zjoni mid-Dlam għd-Dawl qiegħda tappoġġja t-talba ta’ Ben Hassine li jkollu l-possibbiltà jinħeles mis-sentenza ta’ għomru l-ħabs. Fir-risposti tagħha dwar dan il-każ, il-Fondazzjoni saħqet li dejjem kienet kontra sentenzi li m’għandhomx tmiem, jiġifieri li jwasslu sal-mewt fil-ħabs. Il-Fondazzjoni qalet li dan qed jingħad minn ħafna oħrajn, speċjalment f’pajjiżi Ewropej, sakemm ingħatat is-sentenza ftit tal-ġimgħat ilu mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-każ ta’ Ben Hassine u priġunieri oħrajn li qegħdin jiskontaw sentenza ta’ għomor il-ħabs f’Kordin, il-Fondazzjoni qalet li llum, aktar minn qatt qabel, qegħda ssir ħidma biex fil-verità l-ħabs jinbidel f’faċilità korrettiva u allura ma jibqax jagħmel sens li priġunier jinżamm maqful għal dejjem. Il-Fondazzjoni tisħaq li kull persuna għandha titqies li għandha fiha potenzjal li tagħraf il-ħsara li tkun għamlet, tpatti għaliha u tkun kapaċi tgħix ħielsa fil-ħarsien tal-liġijiet tal-pajjiż. Il-Fondazzjoni temmen ukoll li għalkemm il-ħerqa għall-bidla trid tkun mill-individwu, dan ikun jinħtieġ ħafna għajnuna mill-istituzzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam. Il-Fondazzjoni qalet li biex iseħħ dan kollu li ilha titlob, trid issir emenda fil-liġi tal-parole li tneħħi l-esklużjoni ta’ min qiegħed għomru l-ħabs milli jkun eleiġibbli. Il-Fondazzjoni qalet li priġunier b’sentenza ta’ għomor il-ħabs eventwalment joħroġ mill-ħabs bil-parole, dan se jibqa’ għomru kollu bil-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Bord tal-Parole. Il-Fondazzjoni mid-dlam għad-Dawl bħalma ilha u għadha tagħmel, se tibqa’ tagħti l-appoġġ tagħha lil kull min joħroġ mill-ħabs. F’din is-sitwazzjoni trid tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll in-naħa l-oħra tal-munita, jiġifieri dak li jikkonċerna lill-vittmi. F’dan ir-rigward il-Fondazzjoni dejjem emmnet u wettqet bil-fatti l-bżonn li l-vittmi tal-kriminalità jingħataw kull għajnuna li għandhom bżonn u immedjatament wara li jiġri l-każ. B’li qegħda titlob il-Fondazzjoni huwa prevvist li min ikollu sentenza ta’ għomor il-ħabs ma jkunx eliġibbli għall-parole qabel igħaddu 25 sena. Il-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl tgħid li dan għandu jkun biżżejjed biex jissodisfa l-elemenet ta’ tpattija għall-att imwettaq. Għalhekk, qalet il-Fondazzjoni, dawk li jkunu sofrew ikunu wkoll ħadu l-ġustizzja li kien jixirqilhom. Fil-kamp tad-drittijiet fundamentali kull ġurnata li tgħaddi ta’ vjolazzjoni hija skandlu – L-avukati ta’ Ben Hassine minn joseph farrugia Fir-rikors kostituzzjonali Ben Ali Wahid Ben Hassine huwa assistit miż-żewġ avukati Alfred Grech u Larry Formosa. F’dan il-każ iż-żewġ avukati qegħdin jippressaw fuq ir-rakkomandazzjoni tal-qorti li l-klijent tagħhom jagħmel minimu ta’ 22 sena ħabs li jfisser li wara dan il-perjodu ma jibqa’ ebda ġustifikazzjoni penaloġika biex il-klijent tagħhom jibqa’ miżmum taħt arrest ħlief jekk ikun ta’ periklu għas-soċjetà. Għaldaqstant f’kawżi bħal dawn dwar drittijiet fundamentali ma jistennewx lanqas li jdumu aktar minn ftit xhur għal kull ġurnata li tgħaddi ta’ vjolazzjoni hija skandlu. It-TORĊA ltaqgħet maż-żewġ avukati u staqsiethom għaliex fetħu din il-kawa u x’qegħdin jitolbu mill-qorti Maltija. Huma qalu: “Fil-każ tal-klijent tagħna Ben Hassine, il-qorti għamlet użu mid-diskrezzjoni tagħha hekk kif mogħti lilha taħt l-Artikolu 493 tal-Kodiċi Kriminali u rrakkomandat li l-klijent tagħhom jagħmel minimu ta’ 22 sena ħabs. Dan ifisser li wara 22 sena ma jibqa’ l-ebda ġustifikazzjoni penaloġika biex Ben Hassine jibqa’ miżmum taħt arrest ħlief jekk ikun ta’ periklu għas-soċjetà. “Li kieku ma ngħatatx din ir-rakkommandazzjoni, skont il-Qorti Ewropea tal-Bniedem tali stat ta’ eżawriment ta’ ġustifikazzjoni penaloġika jintlaħaq wara 25 sena ta’ ħabs. Implimentazzjoni mill-Istat Malti “B’hekk qed nitolbu lill-qorti biex tordna lill-Istat Malti biex jimplimenta sistema fejn meta jew is-snin irrakkomandati taħt l-Artikolu 493 jintlaħqu jew inkella fin-nuqqas ta’ dan, wara 25 sena ħabs, persuna kkundannata għal għomorha l-ħabs għandha tkun evalwata biex ikun determinat jekk għadhiex ta’ periklu għas-soċjetà. “Dan għandu jsir minn bord indipendenti magħmul minn numru ta’ esperti bħalma huwa l-Bord tal-Parole. B’hekk l-Istat Malti jista’ jsolvi din l-irregolarità sempliċiment billi jestendi l-kompetenza tal-Bord tal-Parole biex tevalwa wkoll lil dawk ikkundannati għal għomorhom.” Minbarra hekk l-avukati Grech u Formosa jsostnu wkoll: “Aċċettajna li mmexxu din il-kawża wkoll minħabba l-fatt li ma naqblux mas-sistema li qed tkun imħaddna mill-awtoritajiet. Għalina sentenza ta’ ħabs mingħajr tama ta’ ħelsien hija inumana u dan hekk kif ikkonfermat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’diversi sentenzi tagħha, kif ukoll minn diversi sentenzi ta’ qrati ta’ pajjiżi barranin bħal per eżempju l-Qorti Federali Ġermaniża.” Għaldaqstant wara li ż-żmien jibqa’ għaddej u ġieli kawżi anke ħadu fit-tul, x’inhuma l-prassi f’kawżi simili u kemm tista’ ddum kawżda bħal din? Kawża fi ftit xhur Iż-żewġ avukati qalu li jistennew li kawża bħal din m’għandhiex iddum aktar minn ftit xhur. “Ma ninsewx li każ bħal dan jikkonċerna d-drittijiet fundamentali fejn kull ġurnata li tgħaddi ta’ vjolazzjoni hija skandlu,” insistew iż-żewġ avukati. Iżda filwaqt li l-avukati Grech u Formosa qegħdin jiġġieldu għad-drittijiet tal-klijent tagħhom biex jinħeles mill-ħabs, kif iħarsu lejn il-vittmi tar-reati mwettqa mill-klijent tagħhom? Huma wieġbu: “Xogħol l-avukat huwa li jagħmel xogħlu rrispettivament mis-sentimenti personali tiegħu. Avukat huwa obbligat bil-liġi u bil-ħalfa li jkun ħa meta daħal fil-professjoni li jaqdi bil-ħaqq u bis-sewwa u bir-reqqa l-qadi ta’ dmirijietu. Dan ifisser li l-avukat għandu jagħti lill-klijent tiegħu l-aħjar servizz fil-parametri tal-liġi.”
Posted on: Sun, 18 Aug 2013 17:33:31 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015