Il-PBS tonqos milli ssemma’ leħen l-Oppożizzjoni fil-bullettin - TopicsExpress



          

Il-PBS tonqos milli ssemma’ leħen l-Oppożizzjoni fil-bullettin tal-aħbarijiet Il-Partit Nazzjonalista llum ilmenta dwar id-deċiżjoni tal-PBS li jinjora għalkollox żewġ intervisti li saru mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħadd, 27 ta’ Ottubru 2013. Nhar il-Ħadd filgħodu, saru intervent telefoniku mal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u intervista mas-Segretarju Ġenerali Chris Said. Dawn iż-żewġ intervisti xxandru live fuq Radio 101, u ma ġewx irrappurtati fil-bullettin tal-aħbarijiet tal-Ħadd filgħaxija. Kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista tkellmu dwar suġġetti li huma ta’ kontroversja politika, inkluż l-immigrazzjoni irregolari, il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija mill-Gvern, il-Budget li se jiġi ppreżentat il-ġimgħa d-dieħla u l-liġi dwar l-unjonijiet ċivili. Id-deċiżjoni tal-PBS li ma jxandarx l-aħbar dwar iż-żewġ intervisti hi aktar deplorabbli meta wieħed iqis li l-intervisti saru minn ġurnalist tal-PBS u li fil-ħin tal-interventi kien hemm cameraperson tal-PBS preżenti fl-istudio ta’ Radio 101. Dan juri li d-deċiżjoni tal-Kamra tal-Aħbarijiet li ma xxandarx l-aħbar kienet għażla konxja u hi att ieħor ta’ żbilanċ ċar mill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob rimedju effettiv minnufih għall-iżbilanċ li nħoloq. Anness ma’ din l-istqarrija għandek issib il-kopja tal-ilment li tressaq lill-PBS. Jean Pierre Debono Assistent Segretarju Ġenerali
Posted on: Tue, 29 Oct 2013 19:30:11 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015