Il-liġi taċ-ċittadinanza se tpoġġi r-reputazzjoni ta’ - TopicsExpress



          

Il-liġi taċ-ċittadinanza se tpoġġi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna fil-periklu Minkejja l-kritika serja u kostruttiva li saret mill-Oppożizzjoni u mill-operaturi fis-settur finanzjarju dwar in-nuqqasijiet serji fl-abbozz tal-liġi dwar iċ-ċittadinanza, il-Gvern fl-ebda stadju ma aċċetta li ssir konsultazzjoni u l-Prim Ministru qed jinsisti li jgħaddi l-liġi malajr il-ġimgħa d-dieħla. Dan biex ikun jista’ jsiefer u jippromwovi din l-iskema ma’ pajjiżi tal-Karibew li huma magħrufin ma’ kulħadd bħala tax havens. Din mhijiex serjetà u qed tpoġġi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna fil-periklu. Dan qalu l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Il-Viċi Kap kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Intern Jason Azzopardi u l-kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Helga Ellul. Il-Viċi Kap spjega li l-ġimgħa li għaddiet, l-Oppożizzjoni qajmet numru ta’ nuqqasijiet li juru kif il-liġi li qed jipproponi l-Gvern jista’ jkollha riperkussjonijiet serji fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Anki l-operaturi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għamlu kritika ħarxa għar-riskji ċari ta’ abbuż ta’ poter minħabba l-poteri li ngħataw lill-Ministeru u lill-kumpanija Henley & Partners, li se tippromwovi u tamministra din l-iskema. Madankollu, il-Prim Ministru qed jinjora għalkollox dawn in-nuqqasijiet u saħansitra operaturi li esprimew ir-rabja tagħhom tkeċċew mil-laqgħa li saret mill-entità l-ġdida tal-Gvern Identità Malta. Dr De Marco qal li l-liġi kif preżentata tpoġġi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna f’riskju fuq livell Ewropew. Il-Partit Nazzjonalista diġà ppropona mezzi kif tista’ ssir skema ħafna aktar serja li ma tpoġġix liċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna għall-bejgħ b’dan il-mod, inkluż billi torbot din l-iskema ma’ investiment fil-pajjiż u f’perjodu ta’ residenza, xhieda tal-impenn ta’ kull min irid jintrabat ma’ pajjiżna. Quddiem il-proposti kostruttivi u l-id tal-ħbiberija tal-Oppożizzjoni, il-Gvern hu determinat li jgħaddas rasu u jibqa’ miexi bil-pjanijiet tiegħu akkost ta’ kollox. Għalhekk, l-Oppożizzjoni se topponi din il-liġi bil-qawwa kollha fil-Parlament. Il-Kelliem għall-Intern Jason Azzopardi spjega li l-liġi mressqa mill-Gvern ta’ Muscat tħalli ħafna lok għal abbuż ta’ poter. Dan joħroġ b’mod ċar ħafna mid-deċiżjoni tal-Gvern li jagħti wisq poteri f’idejn il-Ministru għall-Intern biex jieħu deċiżjonijiet fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jsiru dwar min għandu jingħata ċ-ċittadinanza u min le. Fl-Awstrija, skema simili kienet fiċ-ċentru ta’ każ ta’ korruzzjoni għax politiku ffinanzja l-kampanja elettorali tiegħu mill-bejgħ taċ-ċittadinanza. Minbarra dan, il-liġi ma tippermettix li jsir skrutinju pubbliku ta’ min fil-fatt ingħata ċ-ċittadinanza, u qatt m’aħna se nkunu nafu min ingħata ċ-ċittadinanza. Dr Azzopardi stqarr li dan hu każ ċar ta’ nuqqas ta’ trasparenza li jista’ jagħti lok serju għall-abbuż tal-poter. Min-naħa tagħha, il-kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Helga Ellul esprimiet it-tħassib tagħha dwar ir-riskji marbutin mal-bejgħ taċ-ċittadinanza, li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Ellul sostniet li pajjiżna dam ħafna biex bena reputazzjoni b’saħħitha fuq livell Ewropew, u l-Gvern ta’ Muscat qed ipoġġi dan kollu f’riskju meta jwaqqa’ lil pajjiżna fl-istess livell tat-tax havens tal-Karibew. __________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________ Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jattendi Summit tal-Partit Popolari Ewropew Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum attenda Summit tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussell, li sar bi tħejjija għall-Kunsill Ewropew li beda aktar tard illum u li se jkompli għada filgħodu. Is-Summit tmexxa mill-Aġent President tal-Partit Popolari Ewropew Joseph Daul u għalih attendew il-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy u l-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso. Matul is-Summit tal-Partit Popolari Ewropew, li għalih attendew diversi mexxejja ta’ partiti politiċi minn madwar l-Ewropa, ġew diskussi l-immigrazzjoni rregolari, it-tisħiħ tal-ekonomija Ewropea u l-unjoni bankarja, fost suġġetti oħrajn. Waqt is-Summit saret ukoll diskussjoni preliminari dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru s-sena d-dieħla, inkluż diskussjoni dwar min ser ikun il-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea. Mitlub jikkummenta dwar x’jistenna mill-Kunsill Ewropew wara s-Summit tal-PPE, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li, “Il-Prim Ministru għamilha ċara li mhux se jitlaq minn Brussell qabel ma jkollu soluzzjonijiet konkreti fuq l-immigrazzjoni. Jiena nittama li jakkwista soluzzjonijiet konkreti, iżda nittama wkoll li isem pajjiżna ma jsirlux ħsara fil-proċess.” Waqt is-Summit, il-Partit Popolari Ewropew sellem il-memorja ta’ Wilfried Martens li mexxa l-Partit Popolari Ewropew għal 23 sena u biddlu fl-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew. __________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________ Il-Gvern ta’ Muscat qed jitlef il-kontroll tas-sitwazzjoni tal-qgħad Għal darb’oħra, fix-xahar ta’ Settembru ġiet irreġistrata żieda ta’ 750 persuna li jinsabu bla xogħol, li jfisser żieda ta’ 13% fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet. Dan hu l-frott tal-“bidla” fid-direzzjoni ekonomika ta’ pajjiżna taħt il-Gvern ta’ Muscat fl-aħħar seba’ xhur. Dan hu sinjal ċar li l-ekonomija Maltija mhix qed tkompli tiġġenera l-impjiegi bl-istess pass kif kienet qed tagħmel sa ftit xhur ilu. Iż-żieda fin-numru ta’ persuni jfittxu x-xogħol, li issa tlaħħaq is-7,619, hi ta’ tħassib, speċjalment fid-dawl ta’ numru ta’ każijiet li ġew rappurtati fil-media f’Ottubru fejn fabbriki, banek u kumpaniji oħrajn qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-operat tagħhom jew saħansitra jnaqqsu l-iskala tal-operazzjonijiet tagħhom f’Malta. Quddiem dan kollu, il-Prim Ministru Muscat qed jgħid biss li dawn l-affarijiet huma normali filwaqt li l-Ministru tal-Finanzi jippretendi li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, jaħbi dawn iċ-ċifri u jibdel il-mod kif qed jiġu ppreżentati. Il-Prim Ministru Muscat għadu jaħseb li qiegħed fl-Oppożizzjoni u li jista’ jinjora l-problemi minflok jipprovdi s-soluzzjonijiet għall-problemi. F’dan il-kuntest, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi: X’qiegħed jagħmel il-Gvern biex jagħti appoġġ lill-fabbriki li qegħdin jiltaqgħu ma’ tnaqqis kbir fl-esportazzjoni? Kif qed jgħin lill-intrapriżi żgħar u medji biex isostnu u jkabbru n-negozji tagħhom u jfittxu aktar swieq għall-esportazzjoni? X’inizjattivi ġodda qed jieħu f’setturi tal-ekonomija, bħat-turiżmu bil-cruiseliners li esperjenzaw tnaqqis sostanzjali fl-aħħar xhur? Xqed jagħmel il-Gvern biex joħloq, kif wiegħed, ix-xogħol għall-Għawdxin fGħawdex? Xinizjattivi qed jieħdu l-ambaxxaturi li ntgħażlu politikament biex iġibu x-xogħol lejn pajjiżna? X’ħidma qed issir biex il-Gvern jattira lejn Malta setturi ġodda u emerġenti, kif sar, pereżempju, fil-logħob diġitali jew fix-xjenzi tal-ħajja fl-aħħar snin minn amministrazzjoni Nazzjonalista? Dwar dan f’seba’ xhur il-Gvern ta’ Muscat, li suppost kellu roadmap għal kollox u għal kulħadd, ma lissen ebda kelma. Il-politika tax-xogħol tal-Prim Ministru Muscat f’dawn is-seba’ xhur kienet intiża biss biex jinħolqu konsulenzi għall-ftit ta’ ġewwa, inkluż il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi li qed titħallas €13,000 fix-xahar, id-deputati Laburisti bħal Silvio Schembri, Luciano Busuttil u Deo Debattista li lkoll qegħdin jieħdu minn tal-inqas tliet pagi kull wieħed, kif ukoll permezz tal-ħolqien ta’ kabinett li se jiswa ’l fuq minn €100 miljun fuq medda ta’ ħames snin. Fid-dawl ta’ dawn l-aħħar żviluppi, il-Partit Nazzjonalista jġedded l-appell tiegħu biex il-Baġit għall-2014 jinkludi pjan ċar ta’ kif se jinħoloq ix-xogħol f’pajjiżna, kif ukoll x’beħsiebu jagħmel il-Gvern biex jgħin lil dawk in-negozji li jsibu ruħhom f’diffikultà. Dan jekk tassew il-Gvern għandu għal qalbu il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. -- Mario de Marco Viċi Kap għall-Ħidma tal-Parlament Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Tonio Fenech Kelliem għall-Finanzi Stephen Spiteri Kelliem għax-Xogħol u l-Persuni b’Diżabbiltà __________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________ Kundanna għall-qtil ta’ ajkli Stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Bidla fil-Klima Charlo Bonnici Il-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra jikkundanna l-massakru ta’ tajr protett, din id-darba ta’ ajkli. Hu stmat li f’dawn l-aħħar jiem inqatlu mal-35 ajkla f’diversi zoni madwar Malta u Għawdex. Huwa ta’ għajb li persuni irresponsabbli qed iwettqu atti bħal dawn fuq għasafar li jkunu qed ipassu fuq pajjiżna. Dawn l-inċidenti qed jiżdiedu għaliex il-Gvern ta’ Muscat naqqas il-kontrolli u r-restrizzjonijiet fuq il-kaċċa, inkluż permezz tad-deċiżjonijiet li ħa dwar il-liċenzja tal-kaċċa u l-ilbies ta’ arm bands waqt il-kaċċa. L-istqarrija li ħareġ il-Gvern ilbieraħ filgħaxija tixhed l-ipokrisija tal-Gvern ta’ Muscat. L-istess Prim Ministru li fil-kampanja elettorali wiegħed kollox lill-kaċċaturi u n-nassaba biex jirbaħ il-poter issa qed jgħid li se jemenda r-regolamenti dwar il-Konservazzjoni ta’ Għasafar Protetti u li se jirdoppja l-multi imposti fuq dawk li jinstabu ħatja ta’ atti bħal dawn. Il-Prim Ministru Muscat issa qed jipprova jitfi n-nar li qabbad hu stess. Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex ikun iebes u jwaqqaf għalkollox il-klima li kollox jgħaddi fis-settur tal-kaċċa u l-insib.
Posted on: Fri, 25 Oct 2013 23:00:35 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015