Produced on il-Mument on 7th December 2014.. DICEMBRU 2014 - TopicsExpress



          

Produced on il-Mument on 7th December 2014.. DICEMBRU 2014 ....GEORGE TA’ TUMAS B’ LEGAT LI SE JIBQA HAJ.. Tony De Bono Il-firda tal-mewt hija kiefra wisq. Iva anke meta mistennija. George Fenech ta’ Tumas ħalliena wkoll. Ħafna nħasdu. Oħrajn qrib tiegħu kienu jobsru, għax il-marda kerha tal-kankru ma thenn għal ħadd. Din is-sena 2014 ġabitli maghha dieqa kbira, hekk kif riesqa lejn it-tmiem tagħha. F’inqas minn tliet xhur inħassdu tliet pilastri ġol-pajjiż, jew aħjar it-trepid li serva ta’ pedament u l-boxla tal-mixja tal-ħidma tiegħi f’dawn l-aħħar 40 sena. Malta ftaqret bl-għejbien ta’ tliet ġganti It-telfa ta’ John Camilleri f’Settembru u ta’ Lino Spiteri f’Novembru flimkien ma’ dik ta’ George fit-2 ta’ Diċembru ġabuni ltim għall-aħħar. Biżżejjed ngħid li Lino Spiteri kien il-mudell u idolu li żammli idejha tul it-triq li bdiet fil-politika fil-bidu tas-snin sittin, bit-tnejn li aħna ta’ età żgħira. John Camilleri kien dak ‘il-mistrieħ tal-moħħ’ li għal 25 sena serva ta’ spalla soda ma’ oħrajn biex flimkien stajna nagħtu kontribut siewi ħalli Malta tkun mal-aqwa fid-dinja fl-iżvilupp tal-komunikazzjonijiet, u isimha jiġri mal-globu kollu. U issa misset lil George Fene ch. Dak li ma kontx tgħallimt fis-settur privat, kawża li jien dejjem ħdimt fiċ-Ċivil għall-Gvern tal-ġurnata, George għallimuhuli b’mod li ħadd ma jħammarli wiċċi – tliet gganti li kellhom komuni qalb tad- deheb, storja ta’ suċċess u sens patrijotikku qawwi. Lil George mhux jien u familtu tlifnieh, imma Malta kollha, bħal, wara kollox l-istess jingħad għal John u Lino, li għat-tlieta kemm huma, Malta kienet il-mimmi ta’ għajnejhom. Malta u s-soċjetà Maltija ftaqret tassew bl-għejbien tagħhom. Ħbieberija li nbniet fit-toroq Lil George sirt nafu meta ta’ età żgħira fis-snin 65-68 kien jiġi l-Ħamrun fejn ‘Gejtu tal-Pastizzi’ fi strad rjali (hekk konna nafuha) u flimkien ma ‘Mario ta’ Ċesula’, ‘Louis tad-deheb’, ‘Joey ta’ Dwardu l-ħajjat’ u l-mibki ‘Wallace ta’ Fino’ konna niġru, bla liċenzja, b’xi spitfire jew fuq muturi li jkunu għadhom daħlu fis-suq. Dak iż-żmien Tumas, missier George, kien pulizija stazzjonat il-Ħamrun (ħafna kienu jaħsbu li dawn Ħamrunizi u mhux Qriema) u dejjem iħuff wara George li, sa minn tfulitu dejjem bir-rigni f’idejh b’leħen li jdamdam u b’sens ta’ mexxej. Tumas kien jaqsam il-ħin tiegħu għand Consiglio D’Amato tal-‘Loewe Opta’, Dwardu l-ħajjat, għall-kafe għand Gejtu tal-pastizzi u fuq ir-ronda, sa ma ħalla s-servizz fl-1968, biex ġibed lil George fuq it-tmun tat-tmexxija. Il-bidu fid-dinja tan-negozju Mill-ewwel xtralu n-nightclub ‘Armada’ tal-Mosta u talbu jmexxieh, imma Ġuża, omm George xejn ma kienet kuntenta. Tant hu hekk li, wara ftit, George sab ruħu jmexxi showroom f’Ħal Qormi bl-għamara impurtata minn barra u white goods . Kien f’dan il-perijodu li ltaqa’ mal-maħbuba martu Patricia; li dak iż-żmien kienet tmexxi l-uffiċju ta’ Tumas u George. Patricia, mara li jien nammira għall- karattru sod u li soffriet u batiet mhux ftit matul l-iżvinturi tas-saħħa ta’ George. Għajnejn George fuq it-turiżmu L-inizjattivi ta’ George ma kellhomx limitu u b’viżjoni liema bħala tefa’ għajnejh fuq it-turizmu. Fi ftit xhur spiċċa l-pijunier tat-Time Share f’Malta, biex wara li missieru xtara il-lukandi Halland u d-Dolmen , twittiet it-triq għall-ikbar akkwist ta’ dak iż-żmien meta fl-1986 il-familja xtraw il-lukanda Hilton u ftit wara l-lukanda L-Imġarr ġewwa Għawdex. Ħbieberija li żviluppat ukoll f’ħidma professjonali mill-qrib Kien fl-1997 li dik li kienet ħbiberija bejni u George ħadet xgħira oħra. Wara li jien temmejt karriera twila fil qasam tat-telekommunikazzjoni, Tumas u George talbuni ningħaqad magħhom biex jidħlu fit-teknologija tal-Internet, billi xtraw il- ‘Video on Line’. Illum mixtrija minn Melita Cable. Dak iż-żmien l-Internet kien għadu fil-bidu tiegħu f’Malta. Minn dakinhar sallum George u jien ħdimna qrib xulxin b’determinazzjoni li naslu f’dak kollu li George u l-Grupp Tumas jidħlu għalih. B’George warajk ftit tista’ titlef. Il-ħolma tal-proġett Portomaso Il-viżjoni, id-dinamiċmu u l-abiltà tat-tmexxija ta’ George wasluh biex il-ħolma tiegħu li taqa’ l-Hilton il-qadima u flokha jitfassal proġett li f’Malta qatt ma kien hawn bħalu, issir realtà. Tumas kien ikun kuntent li jkabbar il-Hilton l-antika iżda George, li sadanittant immatura sew b’tant snin espost għall-progress internazzjonali, bħal dejjem ħa r-riskju kkalkulat u ntefa b’ruħu u ġismu għat-twettiq tal-progett Portomaso. Ftit jafu kif twieled l-isem tal-proġett. F’ikla tal-Milied għall-Management, li saret fir-Ristorant Spigola, Marsaskala, George talab lil kulħadd biex jissuġerixxu isem. Wara li ġbart madwar 40 proposta, miktubin fuq biċċiet tal-karti li qassamna, deher li l-iktar suggeriment addattat kien dak Porto Tomaso. George, dak il-ħin stess, immodifikah għal ‘Portomaso’ u issa daħal fl-istorja tal-pajjiż bħala l-aħjar indirizz li jista’ jkollok Malta. George bi kwalitajiet ta’ mexxej prim f’oqsma oħra... inkluż fl-edukazzjoni fil-ġurnaliżmu Il-kobor ta’ George bħala mexxej tal-‘prima’ kompla jissaħħaħ meta tqis li hekk kif wara ftit li nbeda l-proġett, missieru Tumas ħalla din id-dinja fi Frar tal-1999 u barra li George b’hekk tilef l-ikbar perm fil-grupp u li kien il-garanzija ta’ kull riskju li kien jieħu, il-marda tal-kliewi misset lil George. Għal xhur sħaħ għadda minn martirju sakemm ħa r-ruħ. Kien f’dan il-perijodu li George ħabbrek biex iseħħ dak li Mario Schiavone ta’ il-mument, Joe Vella ta’ it-Torċa mill-Istitut tal-Ġurnaliżmu u jien, issuġerejna biex titwaqqaf il-Fondazzjoni Tumas Fenech tal Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu ħalli isem Tumas jibqa’ ħaj għall – dejjem hekk kif titkattar il-professjoni fil-Ġurnaliżmu. Minn dakinhar għaddew 15 il-sena. Minkejja problemi ta’ saħħa, jirrealizza l-proġett Portomaso Sadanittant, waqt li George kien l-isptar sakemm ġie operat b’kilwa ġdida mogħtija lilu b’ġest mill-aktar nobbli u qalbieni tat-tifel tiegħu Yorgen, dak iż-żmien ta’ 18-il sena, il-lealtà tal-ħaddiema qrib tiegħu komplew b’xogħolhom. Sa l-aħħar tas-sena 2000 il-proġett Portomaso, bl-akbar Torri fil-gżejjer Maltin, appartamenti u penthouses lussużi, jott marina mħaffra fil-blat, ristoranti ta’ kwalità, u lukanda Hilton ġdida, l-aqwa fl-Ewropa, flimkien ma’ sala tal-Konferenzi b’Casino mal-madwar gie fi tmiemu. Il-qalb tad-deheb ta’ George wasslet biex l-ebda mill-mitejn ħaddiem li kien jaħdem fil-Hiton il-qadima ma’ tilef postu u l-Grupp baqa’ jħallashom għall-iktar minn sentejn waqt li ħadmu f lukandi oħra għalkemm ħtieġa ma kienx hemm. Għamel isem għal Malta internazzjonalment Il-ħidma ta’ George ma waqfitx hemm u ħaseb biex jespandi internazzjonalment hekk kif wasal fi ftehim mas-Sindku ta’ Evian fi Franza biex tinbena lukanda Hilton fuq ix-xtut ta’ Lake Geneva b’veduta grandjuża tal-muntanji Alpi ta’ Franza. Dawn l-iżviluppi kollha waslu biex Malta tagħmel isem madwar id-dinja billi l-proġett Portomaso rebaħ numru ta’ Gold Awards bħala wieħed mill-aqwa proġetti li saru fid-dinja. George bidel ix-xejra ta’ kif isir l-iżvilupp ippjanat M’hemmx dubju li l-mod tat tmexxija ta’ George bidel ix-xejra ta’ kif f’Malta isir l-ippjanar, l-iżvilupp u n-negozju fi progetti ta’ dan il-kobor. Tant hu hekk li fl- 2002, George Fenech , ingħata il-premju internazzjonali ‘Cisterna d’Argento’ f’ serata open-air fil-villaġġ ta’ Ragalna fejn il-muntanja Etna fi Sqallija, li kienet ġiet trasmessa fuq l-istazzjon RAI Uno, fil-preżenza tal-Ministru tal-Intern Taljan, Ignazio La Russa u l-magħruf Vittorio Sgarbi fost oħrajn. Wieħed jara l-kobor ta’ dan l-unur meta l-istess premju ngħata dakinhar lil Yasser Arafat għall-impenn tiegħu fil-kawża Palestinjana. Umli f’ħidmietu hekk kif kompla b’aktar inizjattivi kummerċjali George ma kienx wieħed li joqogħod jiftaħar b’xogħolu jew jiddandan għalkemm kellu ħafna biex, imma xejn ma kien iżommu milli jieħu inizjattiva, li ħafna drabi wieħed ma jkunx jistenna bħal meta flimkien ma’ wieħed minn neputijiet – f’dan il-każ, Silvan Fenech – li issa tfarfar sew – dħalna biex nieħdu t-tmexxija tal-port storiku ta’ Malta, fejn tidħol il-ħatt tal-merkanzija li tiġi f’pajjiżna. Flimkien mas-Singaporjani ta’ Portek International immexxija miċ-Chairman tagħhom Larry Lam, li ħalla din id-dinja iktar kmieni din is-sena bl-istess marda ta’ George, irnexxielna nieħdu t-tmexxija għal 30 sena biex George u l-Grupp, bil-proġett Valletta Gateway Terminal – daħal għall-ewwel darba bħala parti integrali mill-amministrazzjoni tal-Gvern biex jamministra il-merkanzija kollha li tidħol fil-Port il-Kbir. Kien spunt ġdid li George daħħal fil-mentalità tal-Grupp. Meta George biddel id-direzzjoni mill-għajta kummerċjali ta’ missieru Tumas Dak li qabel kien jgħid il-missier Tumas li ‘is-sħab fis-sema biss’, issa saret id-direzzjoni ta’ George jiġifieri li kull inizjattiva li titlob speċjalizzazzjoni, għandu, fejn jaqbel, ikun kunsidrat partnership jew joint venture. Hekk sar meta daħal bi sħab mal – importaturi tad-ditta Opel, li ngħaqdet ma’ dik tal-KIA Motors, illum taħt id-direzzjoni ta’ Matthew, wiehed mit-13 ulied tat-tielet generazzjoni. L-istess sar meta daħħal f’ Malta il-Multi Plus –TV bis-satellita illum għand il-kumpanija GO fil-forma tal-IPTV u ż-żewġ proġetti kbar Tas-Sellum u Ta’ Monita taħt id-direzzjoni ta’ Raymond hu George. Tista’ tgħid li Raymond kellu r-responsabbiltà tal-Grupp kollu f’dawn l-aħħar xhur. Sadanittant l-ikbar eżempju ta’ joint venture kien dak ta’ dan l-aħħar jigifieri li, bi sħab ma’ oħrajn, il-Grupp daħal bis-sħiħ biex jipprovdi l-enerġija tal-pajjiż permezz tal-grupp Electrogas. Sfortunatament dan il-progett wasal hekk kif saħħet George bdiet tbatti. Kien allura opportun biex jitlob lil ibnu Yorgen ħalli jibda jieħu parti iktar attiva fit-tmexxija. Il-kobor ta’ George għandu iktar sinjifikat meta aħna, li ħdimna qribu għal dawn l-aħħar 20 sena, nafu li hu nieqes mill-formaliżmu żejjed u qatt ma ried li dawn il-proġetti tant kbar jiġu inawgurati bil-pompa jew bi qtugħ ta’ żigarelli. Lil hinn mid-dinja tan-negozju.. Għal George l-ewwel li kienu jiġu martu, iż-żewġ uliedu Franco u Yorgen u l-familja kollha. Il-ħin liberu tiegħu kien ifisser li fis-sajf iqatta’ ħin twil fuq il-lanċa tiegħu fil-kwiet, xi ikla li jsajjar hu stess fir-razzett ta’ Ħaż-Żebbug bejn dejjem l-istess numru ta’ ħbieb li għal ħafna snin akkumpanjawh fid-delizju tiegħu taż-żwiemel kemm meta jimporta żwiemel għat-tiġrijiet kif ukoll f’dawk it-tmien snin li huwa mexxa il-Malta Racing Club bħala Chairman. Fil-fatt anke f’dan il-qasam tal-isports l-isem George se jibqa’ msemmi speċjalment li kien hu li lesta l-proġett tal-entratura l-ġdida, li introduċa t-tiġrijiet fid-dawl artifiċjali bi proġett li kien inawugurat waqt trasmissjoni diretta fuq l-istazzjon nazzjonali, daħħal is-sistema tad- dope testing, ġab l-ikbar sponsorship mingħand l-assoċjazzjoni tat-tiġrijiet Franċiżi li mingħajru ma jsirux tiġrijiet Malta jekk mhux b’telf kbir, u wassal lil Assoċjazzjoni tat-Tiġrijiet fl-Iżvezja biex jibdew jittrasmettu t-tiġrijiet fuq it-televiżjoni Maltija. Il-legat ta’ George George issa ħalliena. Il-legat li ħalla jitlob sfida qawwija. Jiena li għext mal-familja fil-qrib, naf li ħutu Raymond, Ninu u Leli, mgħejjuna b’ moral u support qawwi taż-żewġt aħwa bniet, Carmen u Moyra, flimkien mat-13 ulied, li jagħmlu t-tielet ġenerazzjoni – llum imfarfrin sew – lesti llkoll qaqoċċa għall-impenn. M’hemmx dubju li isem George se jibqa jhidden daqs kemm kien jhidden leħnu meta jidħol f’kull post. George ħalliena imma l-impatt tiegħu jibqa’. Dawk kollha li kellhom l-esperjenza li jinnegozzjaw miegħu jafu li l-kelma ta’ George kienet kuntratt fiha nfisha. Ċert li dan l-ispirtu jibqa’ jirrenja. Familti tingħaqad miegħi turi s-sogħba ma’ Patricia, Franco u Yorgen u mal-familja Fenech kollha. Għażiż George, sa ma nerġgħu niltaqgħu nitolbu għal xulxin.
Posted on: Mon, 08 Dec 2014 09:44:28 +0000

Trending Topics



Recently Viewed Topics




© 2015